Ritratti | L-ILLUM tidħol fl-iscrapyard tal-Pulizija: periklu, ħmieġ u nuqqas ta’ sigurtà
L-ILLUM tidħol fl-iscrapyard tal-Pulizija daqslikieku kien bandli. X’inhuma l-karozzi li jintefgħu fiha? X’jaħseb is-Sindku ta' Pembroke?

minn Yendrick Cioffi

Pembroke huwa magħruf bħala villaġġ żagħżugħ, modern u miftuħ iżda f’nofsu tispikka l-iscrapyard tal-Pulizija invażat b’karozzi u vetturi oħra mfarrka u mixħuta kif ġie ġie.
Wara informazzjoni li n-nirien li ħakmu diversi żoni f’Pembroke matul il-ġimgħa li għaddiet bdew minn dan l-iscrapyard, il-gazzetta ILLUM żaret dan il-post u ma kellha bżonn taqbeż l-ebda ċint biex tagħmel dan.
Il-grada kienet miftuħa u stajna nidħlu qisu xejn mhu xejn mingħajr ħadd ma waqqafna, qisek dieħel f’xi bandli jew xi ġnien pubbliku. Spiċċajna qattajna l-isbaħ nofs siegħa nduru ma’ dawn il-vetturi.
Anke jekk persuni li tkellmu ma’ din il-gazzetta saħqu li n-nirien bdew minn dan il-post jew inkella minn xi żona viċin ħafna, l-ILLUM ftit li xejn sabet sinjali ta’ ħruq, ħlief f’żona mimlija ħaxix u siġar, fuq in-naħa ta’ wara.
Jekk ħruq ma sibniex, periklu kien hemm u dan jidher ċar mir-ritratti li qed nippubblikaw. Biċċiet tal-ħadid mal-art, karozzi msadda, ħġieġ mifqugħ u bini żdingat, huma ftit mill-affarijiet li ssib mixħuta bl-addoċċ f’dan l-iscrapyard.
Il-periklu għal kull min jidħol f’dan il-post jidher ċar mir-ritratti. Allura sew li kulħadd jista’ jaqbad u jidħol qisu xejn mhu xejn?
Biex tkompli tgħaxxaq is-sitwazzjoni, aktar ma tidħol ’il ġewwa f’din l-iscrapyard, issib iċ-Ċentru tar-Riżorsi San Miguel, parti mill-Kulleġġ Santa Klara, liema ċentru joffri għadd ta’ servizzi u edukazzjoni lil studenti b’diżabilità.
Dan ifisser li ta’ kuljum, biex dawn l-istudenti jidħlu l-iskola, ikollhom jgħaddu minn qalb dan iċ-ċimiterju tal-karozzi.

Is-Sindku mħasseb u inkwetat bil-periklu
Dwar dan, il-gazzetta ILLUM tkellmet mas-Sindku ta’ Pembroke, Dean Hili, li esprima t-tħassib tiegħu għall-periklu li ġġorr magħha din l-iscrapyard u agħar minn hekk għall-fatt li wieħed jista’ jidħol fiha qisu xejn mhu xejn.
Fi kliemu, hu stess daħal fl-iscrapyard mingħajr problemi meta fis-6 ta’ Awwissu lemaħ xi duħħan ħiereġ minn xi żona fil-viċin, liema nirien tant inxterdu li kellhom jiġu evakwati l-istudenti taċ-Ċentru tar-Riżorsi San Miguel.
“Suppost ikun magħluq u miegħu jkun hemm l-għassa,” saħaq is-Sindku. “Kull min ilu jgħix f’din l-akkwata jaf bil-periklu li hemm.”

X’inhuma l-karozzi f’dan l-iscrapyard?
Dean Hili fakkar li fl-iscrapyard jitpoġġew dawk il-vetturi, mhux bilfors karozzi biss, li jkunu suġġetti għall-investigazzjonjiet u anke inkjesti.
“Ma jagħmilx sens li dan ikun miftuħ. L-ewwel nett huwa suġġett għall-abbużi u fih jistgħu jweġġgħu n-nies,” kompla jisħaq is-Sindku.
Waqt li kompla jesprimi t-tħassib tiegħu dwar din iż-żona, Dean Hili qal li l-Kunsill Lokali kemm-il darba rrapporta lill-Pulizija minħabba klieb li jitħallew jiġru bla ċinga fl-iscrapyard.

‘Għandu jingħalaq jew jiċċaqlaq’
Dwar iċ-Ċentru tar-Riżorsi San Miguel, is-Sindku saħaq li filwaqt li l-iscrapyard kien hemm qabel iċ-ċentru, ma jħossx li hu xieraq li l-istudenti jkollhom jgħaddu ta’ kuljum minn qalb ċimiterju ta’ karozzi biex imorru jitgħallmu.
Waqt li fakkar li fl-aħħar snin il-Pulizija mmodernizzat ħafna mill-faċilitajiet tagħha, awgura li ma jdumx ma jsir l-istess għal dan l-iscrapyard.
“Irid jagħlaq, jew inkella jiċċaqlaq,” saħaq is-Sindku bla tlaqliq.
Ngħiduha kif inhi, iż-żona mhijiex żgħira u tista’ tintuża għal skopijiet ħafna aħjar u li minnha jgawdi kulħadd.

Pulizija jikkonfermaw li l-vetturi huma suġġetti għal investgazzjoni
Dwar il-karozzi mitfugħa f’dan l-iscrapyard, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ żewġ sorsi tagħha fi ħdan il-Korp.
It-tnejn li huma kkonfermaw li l-vetturi li jintefgħu f’dan l-iscrapyard, anke jekk involuti f’inċidenti mhux daqstant kbar, ikunu suġġetti għal investigazzjonijiet u anke inkjesti.






