Il-Kardinal George Pell, l-ogħla uffiċjal tal-Knisja Kattolika li nstab ħati ta’ abbuż sesswali fuq żewġ subien, tilef l-appell li kien fetaħ, bil-Qorti tikkonferma s-sentenza mogħtija lilu.
Pell ingħata sentenza ta’ sitt snin ħabs f’Marzu li għadda wara li nstab ħati li abbuża żewġ subien tal-kor fil-Katidral ta’ Melbourne meta hu kien Arċisqof.
Il-Kardinal qed jibqa’ jinsisti li huwa innoċenti u li ma setax ikun abbuża lis-subien, wara l-quddies, f’waħda mis-sagristiji tal-istess Katidral, għax, fi kliem id-Difiża, din tkun dejjem mimlija bin-nies.
L-eks teżorier tal-Vatikan, li għandu 78 sena, mistenni jikkunsidra l-aħħar appell tiegħu fl-ogħla Qorti Awstraljana.
Id-difiża qed tibqa’ tinsisti li l-Kardinal instab ħati minkejja li ma kien hemm ebda evidenza, bil-Qorti toqgħod biss fuq ix-xhieda ta’ persuna waħda biss.
Ir-reazzjoni tas-Sala Stampa tas-Santa Sede
Intant, fi stqarrija, il-Vatikan saħaq li filwaqt li jirrispetta d-deċiżjoniet tal-Qrati Awtraljani, il-Kardinal dejjem baqa' jinsisti li huwa innoċenti tul il-proċess ġudizzjarju kollu u għandu kull dritt li jappella quddiem l-ogħla Qorti.
Il-Vatikan insista, li flimken mal-Knisja fl-Awstralja, se jibqa' viċin il-vittmi tal-abbuż sesswali u jibqa' determinat li permezz tal-awtoritajiet ekklesjastiċi kompetenti, jinvestiga u jieħu passi kontra membri tal-kleru li jinstabu ħatja ta' abbuż.