It-tilqim għall-influwenza se jibda nhar it-Tnejn li ġej
It-tilqim mogħti din is-sena se jkun qed ikopri erba’ tipi differenti ta’ influwenza

More in Socjali
It-tilqim mogħti din is-sena se jkun qed ikopri erba’ tipi differenti ta’ influwenza
Minn nhar it-Tnejn, 14 ta’ Ottubru, 2019, se jibda jingħata t-tilqim b’xejn kontra l-influwenza.
Għal dan il-għan il-Gvern ordna 100,000 doża ta’ vaċċin bi spiża ta’ ftit inqas minn nofs miljun ewro.
L-ewwel tilqim se jingħata lil dawk il-persuni meqjusin ta’ riskju għoli, tfal ta’ taħt il-ħames snin, persuni ta’ età minn 65 sena ‘l fuq, persuni b’mard kroniku, u persuni li jagħtu servizz f’istituzzjonijiet magħluqin.
It-tilqim se jingħata miċ-ċentri tas-saħħa u mill-kunsilli lokali u mat-tieni ġimgħa jibda jingħata lil kulħadd.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne insista li l-aħjar mezz ta’ prevenzjoni kontra l-influwenza huwa t-tilqim.
Huwa spjega kif din is-sena l-Gvern qiegħed ikabbar dan il-mezz ta’ prevenzjoni billi se jkun qed jipprovdi vaċċin li jkopri erba’ tipi differenti ta’ influwenza, tnejn tat-tip A u tnejn tat-tip B, dak li jissejjaħ quadrivalent vaccine.
Fis-snin preċedenti kienet tintuża t-trivalent vaccine, li kien ikopri tliet tipi.
Id-Deputat Prim Ministru qal globalment bejn 5 u 15% tal-popolazzjoni tintlaqat mill-influwenza u kull sena huwa stmat li tħalli 300,000 fatalità.
Huwa appella biex it-tilqim jittieħed kemm jista’ jkun kmieni, idealment tul Ottubru u Novembru biex b’hekk il-protezzjoni provduta tkun fl-aqwa tagħha għal meta jkun mistenni li l-influwenza tkun fl-eqqel tagħha, minn Diċembru ‘l quddiem.
Il-ħinijiet tat-tilqim miċ-ċentri tas-saħħa jkunu bejn it-8.00 ta’ filgħodu u 1.00 ta’ wara nofsinhar mit-Tnejn sal-Ġimgħa, u s-Sibtijiet mit-8.00 ta’ filgħodu sa nofsinhar.
Iċ-Ċentri tas-Saħħa tal-Mosta, Raħal Ġdid u l-Furjana jkunu miftuħin ukoll mit-Tnejn sas-Sibt bejn is-2.30 p.m. u s-7.30 p.m.