Anzjana ndarbet gravi wara li ntlaqtet minn karozza fil-Birgu.
L-inċident seħħ dalgħodu għall-ħabta tat-8:00 am, meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq Desain, il-Birgu, minħabba li kien hemm inċident stradali u hemm persuna li sofriet xi ġrieħi.
Il-Pulizija mill-Għassa ta’ Bormla marru immedjatament fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari rriżulta li, raġel ta’ 61 sena residenti Ħal Tarxien kien qed isuq vettura u għal xi raġuni laqat mara ta’ 68 sena residenti l-Birgu.
Fuq il-post issejħet l-ambulanza li ħadet lill-mara l-Isptar Mater Dei għal kura, fejn aktar tard ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi gravi.
Investigazzjonijiet tal-Pulizija rigward dan l-inċident għadhom għaddejjin.