L-MUT tressaq protest ġudizzjarju kontra l-UPE

'Min ma jkunx mal-mejda tan-negozjati kull azzjoni li jieħu tkun aktar ta' detriment milli ta' għajnuna fil-proċess, tisħaq l-MUT

Marco Bonnici - Il-President tal-MUT
Marco Bonnici - Il-President tal-MUT

Fi stqarrija l-MUT qalet li ressqet protest ġudizzjarju kontra l-UPE, fi ħdan il-Union Ħaddiema Magħqudin Voice of the Workers.

Fl-istqarrija huma saħqu li l-MUT ilha x-xhur tiġi mxekkla mill-ħidma tagħha fl-iskejjel tal-Istat u tal-knisja wara li skonta "l-UPE, bdiet tindaħal f’materji ta’ natura kollettiva u ttellef minn negozjati li jkunu għaddejjin."

"L-MUT dejjem ħarset l-interessi tal-membri tagħha u tas-settur kollu u qagħdet lura milli tirreaġixxi għall-attakki kontinwi fuq l-MUT u l-uffiċjali tagħha, ħafna drabi anki personali," saħqet l-unjin.

Żiedet tgħid li hi temmen li ma tistax toqgħod taħli ħin f’battibekki inutli li ma jagħmlu ġid lil ħadd iżda li jtellfu l-ħidma favur l-edukaturi u kontra kull min jipprova jkasbarhom. "Madankollu l-MUT ma tistax tibqa' siekta fid-dawl tad-direttivi kollettivi maħruġa mill-UPE fi ħdan il-Union Ħaddiema Magħqudin Voice of the Workers, b’indħil dirett fuq materji kollettivi li m'humiex fil-kompetenza tagħhom."

Huma spjegaw ukoll li unjins differenti ma jistgħux jaqbdu u jagħmlu direttivi kollettivi kif iridu għaliex b'konsegwenza t'hekk joħolqu konfużjoni fil-post tax-xogħol. Spjegaw li l-liġijiet li jirregolaw ir-rikonoxximent tat-trade unions huma ċari u hija dik il union rikonoxxuta li tgawdi l-maġġoranza tal-membri biss li tista' tintervjeni u tinnegozja fuq materji kollettivi u tieħu azzjonijiet industrijali, li jinkludu d-direttivi, meta tħoss li d-diskussjoni mal-mejda tan-negozjati ma jkunu waslu mkien. 

 

More in Socjali