Wieħed mill-isbaħ mużewijiet li wieħed isib f’Malta, jiġifieri dak tal-Katidral fl-Imdina, sar l-ewwel mużew f’Malta aċċessibbli għall-persuni bl-awtiżmu.
It-tnedija ta’ dan il-proġett saret dalgħodu waqt preżentazzjoni li għaliha attenda l-Arċisqof Charles Scicluna u l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo.
Waqt il-preżentazzjoni ġie spjegat kif l-aċċessibbilità ma tfissirx biss rampi u lifts biex ikunu jistgħu jintużaw minn persuni li jużaw is-siġġu tar-roti, iżda biex ikun verament inklussiv, mużew irid ikun kapaċi jikkomunika b’mod effettiv ma’ kulħadd, inkluż persuni li għandhom bżonnijiet speċjali.
Tony Cassar, il-persuna li kienet responsabbli minn dan il-proġett spjega kif persuni bl-awtiżmu mhux dejjem ikunu jistgħu jżuru postijiet bħal dawn, fosthom anke minħabba l-effett negattiv li l-istorbju, id-dawl u fatturi oħra jista’ jkollhom fuqhom.
Permezz ta’ dan il-proġett, persuni b’sensibbilitajiet differenti se jħossuhom milqugħa
L-Arċisqof Scicluna
Għaldaqstant, ittieħdu diversi miżuri biex il-mużew ikun aktar inklussiv u joffri esperjenza sabiħa lil dawk il-persuni bl-awtiżmu li jkunu jixtiequ jżuruh.
Fost dawn, illum ġiet inawgurata dik li qed tissejjaħ “Safe Room,” kamra żgħira li tista’ tintuża mill-persuni bl-awtiżmu li jesperjenzaw dak magħruf bħala ‘meltdown.’
F’din il-kamra, mgħammra apposta, persuna bl-awtiżmu tkun tista’ tqatta’ ftit ħin fil-kwiet, tirrilassa biex tkun tista’ tkompli ddur il-mużew.
Fil-fatt, l-istaff kollu tal-Mużew tal-Katidral ingħata taħriġ speċjalizzat minn professjonista li taħdem ma’ persuni bl-awtiżmu biex dawn ikunu jafu kif għandhom iġibu ruħhom, jaġixxu u joffru l-għajnuna li jkun hemm bżonn lill-persuni bl-awtiżmu.
X'inizjattivi qed jieħu l-Mużew?
Apparti minn hekk, il-Mużew tal-Katidral se jkun qed joffri ħinijiet estiżi f’ċertu ġranet għal dawk il-persuni bl-awtiżmu li jkunu jixtiequ jżuru l-mużew fil-kwiet flimkien mal-familji tagħhom.
Cassar ħabbar kif il-Kunsilli Lokali ta’ Naxxar, Ħal Balzan, Ħal Għargħur u Bormla ngħaqdu f’dan il-proġett u se jkunu qed jippromwovu l-mużew ma’ persuni bl-awtiżmu fil-lokalitajiet rispettivi.
Fost inizjattivi oħra, is-sit tal-mużew se jkun qed joffri mappa apposta biex persuni bl-awtiżmu jkunu jistgħu jippjanaw id-dawra tagħhom fil-mużew, bil-mappa se tkun qed tindika wkoll liema huma dawk il-partijiet li huma storbjużi aktar minn oħrajn.
Apparti minn hekk, persuni bl-awtiżmu li jkunu jixtiequ, jistgħu jingħataw headphones apposta bil-għan li jnaqqsu l-impatt tal-istorbju li jista’ jkollu effett negattiv fuqhom.
Dan il-proġett kien possibbli wara li l-Fondazzjoni Patrimonju Kulturali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta kisbet fondi apposta.
Fil-kummenti tiegħu, l-Arċisqof Scicluna saħaq li huwa importanti li wieħed iħares lejn l-aċċessibbilità minn perspettiva aktar wiesgħa, biex ma tkun biss dik fiżika iżda anke psikoloġika.
“Permezz ta’ dan il-proġett, persuni b’sensibbilitajiet differenti se jħossuhom milqugħa,” qal l-Arċisqof.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Evarist Bartolo kkwota mill-Evanġelju ta’ San Mattew u saħaq li dan il-proġett jagħti ħajja lill-frażi ta’ Kristu fid-diskors tal-muntanja: “kont barrani u lqajtni.”
Huwa insista li din l-inizjattiva li ħa l-Mużew tal-Katidral għandha sservi ta’ eżempju għal dak li għandu jsir anke f’postijiet pubbliċi biex kulħadd iħossu milqugħ.
Yendrick Cioffi studja l-ġurnaliżmu fl-Università ta' Malta fejn kiseb Baċċellerat bl...