Ganġetti u nemmiesa tal-bibien bla ħlas għall-anzjani

Iktar serħan il-moħħ għall-anzjani b’servizzi biex iħossuhom siguri fi djarhom

 

Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis ħabbar il-wieħed u għoxrin inizjattiva għall-anzjani - servizz ġdid li se jibda fuq proġett pilota biex l-anzjani li għandhom minn sittin sena ’l fuq u dawk li għandhom il-blue badge jingħataw is-servizz ta’ handyman bla ħlas għal twaħħil ta’ ganġetti mal-bibien u anke nemmiesa (peeping holes) biex iħossuhom iktar siguri fi djarhom.

Bil-proġett pilota s-servizz se jingħata bla ħlas lil kull anzjan minn sittin sena ’l fuq li għandu l-karta r-roża jew li għandu l-karta tal-identità speċjali minħabba xi diżabilità. Persuni li għandhom il-karta tal-identità speċjali jammontaw għal madwar 20,000 persuna.

Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis spjega li dan is-servizz qed jingħata biex l-anzjani iħossuhom aktar siguri fi djarhom speċjalment matul il-lejl. Is-servizz se jagħti wkoll serħan il-moħħ lil ulied l-anzjani li ma jgħixux magħhom biex b’hekk b’dan is-servizz jiġu assigurati li l-ġenituri tagħhom għandhom il-bieb sigur u anke mezzi kif jiċċekkjaw min qed wara l-bieb tagħhom.

Il-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva Dr Renzo De Gabriele spjega l-aspett psikoloġiku ta’ anzjani li jiltaqa’ magħhom u l-ansjetà li jkollhom għax jibżgħu li xi ħadd jista’ jhedded is-sigurtà tagħhom. Dr De Gabriele qal li d-dipartiment qed jagħmel minn kollox biex l-anzjani jħossuhom siguri u dan is-servizz bla ħlas hu wieħed mill-firxa vasta ta’ servizzi biex l-anzjani jħossuhom komdi jgħixu fi djarhom.

Dan is-servizz se jiġi offrut ma’ servizzi oħra li jingħataw mis-sezzjoni ta’ servizz tal-handyman mit-Tnejn sal-Ħadd. Sabiex tagħmel appuntament għal dan is-servizz għandek iċċempel fuq in-numri 21242725 jew 21242726 mis-7 ta’ filgħodu sat-3 ta’ waranosfinhar.

More in Socjali