Il-Kap tad-Dipartiment tal-Emerġenza Michael Spiteri flimkien maċ-Charge Nurse Maria Schembri bagħtu komunikat lill-ħaddiema kollha tal-Emerġenza li fiha, filwaqt li kkonfermaw illi "kollega" qed ikun investigat fuq kamera li nstabet fit-toilet tan-nisa f'Mater Dei, appellaw biex il-ħaddiema jżommu l-prudenza.
"Bħalissa l-pulizija qed jaġixxu fuq suspetti fondati imma kwalunkwe suspettat għandu d-dritt li jkun ippruvat innoċenti sakemm jinstab ħati u anke jekk jinstab ħati, irridu dejjem nirrispettaw id-dinjità ta' persuna," qalu Spiteri u Schembri fil-komunikat.
Huma għamlu appell imqanqal biex ħadd ma jgħaddi informazzjoni li mhux veritiera filwaqt li qalu illi "fil-ġranet li ġejjin probabilment se ngħaddu minn mumenti diffiċli li se jeżaminaw is-saħħa tagħna." Din donnha li hija implikazzjoni illi mistenni żvilupp importanti f'dan il-każ fiż-żmien li ġej.
Kamera moħbija nstabet fit-toilet tan-nisa f'Mater Dei hekk kif dan id-Dipartiment kien qed jitnaddaf. Dakinhar il-pulizija kienu spjegaw kif din il-kamera nstabet moħbija wara landa taż-żibel ma' power bank bil-għan li l-batterija ddum aktar biex taqa'. Meta nstabu l-kamera u l-power bank it-tnejn li huma kienu bla batterija.