Illum, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar it-tlestija tar-restawr tal-Lunetta ta’ San Franġisk li jifformaw parti mill-fortifikazzjonijiet tal-Port il-Kbir fil-Furjana. Waqt iż-żjara tiegħu fejn il-Lunetta ta’ San Franġisk, Owen Bonnici qal li “Permezz ta’ dan l-investiment qegħdin inkomplu nsaħħu l-wirt tagħna u l-legat tiegħu, u grazzi għal proġetti ta’ restawr ta’ din is-sura nistgħu nkomplu nagħmlu dan”. Dan il-proġett, li sar mid-Direttorat tar-Restawr sewa €100,000.
Bonnici tkellem fuq il-proġett u qal li “il-Lunetta ta’ San Franġisk tagħmel parti mill-medda ta’ fortifikazzjonijiet li jħarsu lejn il-Port il-Kbir u kienet qed turi sinjali ta’ deterjorament. Il-fortifikazzjonijiet huma parti mis-swar li ġew iddisinjati mill-Inġinier Taljan Pietro Paolo Floriani, u tinsab quddiem is-sur ta’ San Franġisk”. Tkellem ukoll fuq l-istorja tas-swar, u qal li dawn kienu nbnew madwar is-seklu sbatax.
Bonnici kompla jgħid li “il-proċess ta’ deterjorament esperjenzat mill-fortifikazzjonijiet rriżultaw minħabba numru ta’ fatturi fosthom il-kxif għall-elementi u l-kontaminazzjoni tal-melħ mill-baħar u l-umdità.
Bonnici kkonkluda jgħid li l-interventi indirizzaw il-periklu tad-deterjorament tal-ġebel u t-tiġrif ta’ xi partijiet tal-Lunetta u inkludew it-tiswija strutturali tal-ġebel maqlugħ, l-istabilizzazzjoni tal-blat, it-tibdil ta’ interventi li saru qabel, tindif it-tikħil, kif ukoll l-applikazzjoni ta’ velatura trasparenti.