'Aħna nittestjaw għall-virus... u l-virus jittestja lilna!' ... Is-soċjologa tanalizza

Kif qed jaffetwa lill-familja?  Kif qed jaffetwa lilna l-Covid-19?  Kriżi jew opportunità?  Is-soċjologa Maria Brown tanalizza

F’ċertu aspetti l-istil ta’ ħajja li ħafna qed jgħixu bħalissa jfakkarni fit-tmeninijiet u d-disgħinijiet. Kienet iktar komuni li nieklu mid-dar u li nieklu flimkien; li nqattgħu ħin konsiderevoli d-dar u li l-ħarġa – dejjem jekk tista’ ssir - tkun f’post arjuż bħal fil-kampanja jew imqar dawra bil-karozza. It-televiżjoni - u ċertu xandiriet aktar minn oħrajn kienu jkunu ‘highlight’ tul il-ġurnata.

Dak iż-żmien kien hawn inqas flus fl-idejn, inqas għażliet fis-suq, inqas globalizzazzjoni u inqas multikulturaliżmu. B’hekk l-istili ta’ ħajja kienu iktar komparabbli minħabba limitazzjonjiet ta’ riżorsi – eżempju, ma kienx jeżisti l-AirBnB u minn darek stess tista’ tiġġenera l-introjtu billi tikri l-kamra ta’ fuq.
Ċertu riżorsi kienu jeżistu imma l-aċċessibilità għalihom kienet limitat għall-uħud, bħall-eżempju s-safar qabel ma feġġu l-linji tal-ajru ‘low cost’ jew li wieħed jixtri ħwejjeġ jew aġġeġġi teknoloġiċi minn barra minn Malta.

Illum il-limitu mhux lir-riżorsa ma teżistix, imma l-aċċess għaliha limitat.

Dan jista’ jiskatta mekkaniżmi ta’ ‘bulk buying’, kif rajna ċertu imġiba li tixhed paniku soċjali fis-‘supermarkets’. F’dan il-kuntest il-kelma ‘paniku’ ma tfissirx neċessarjament isteriżmu; iżda interruzzjoni jew bidla drastika tar-rutina ta’ kif wieħed mdorri jġib ruħu f’sitwazzjoijiet ta’ kuljum.

Mekkaniżmu ieħor li ġa qed naraw jiskatta huwa li wieħed jerġa’ jivvinta lilu nnifsu u r-rwoli li jaqdi, in-negozju jew ix-xogħol li jagħmel, l-ispazji li juża fid-dar, il-ħin mal-familja u r-relazzjonijiet. Kif jgħid l-Ingliż ‘necessity is the mother of invention’ u riħ (f’dan il-każ virus!) ta’ siegħa jnaddaf il-qiegħa li f’ċirkostanzi normali kienet tieħu snin, deċennji jew sekli biex tinqala’.
 
Għalhekk fil-midja u l-midja soċjali qed naraw il-kreattività ħierġa f’oqsma differenti:
⦁ Fin-negozju hemm min qaleb għad-‘deliveries’, introduċa jew saħħaħ il-faċilità li tixtri ‘online’;
⦁ Fl-impjiegi kellna nikkapitalizzaw fuq ‘telework’ u infrastruttura teknoloġika b’mod bla preċedent;
⦁ It-teknoloġija u l-kreattività spikkaw ukoll fid-djar, fejn il-familji qed jaraw kif jehdew, kif xorta jżommu kuntatt mal-għeżież li ma jgħixux taħt l-istess saqaf; kif jidħku daħka, kif jipprattikaw twemmin reliġjuż jew iżommu ‘fit’, kif jibqgħu parti minn soċjetà.


Il-familja nukleari

Jekk wieħed jiffoka fuq il-familji, il-familja nukleari, jiġifieri adult jew tnejn u, f’każ ta’ ulied, it-tfal tagħhom li jgħixu taħt l-istess saqaf għadejja minn test partikolari.
Jekk il-bilanċ bejn xogħol u ħajja (‘work-life balance’) kien ta’ sfida għall-ħafna qabel l-imxijja tal-COVID-19, issa jaf l-isfida mmoltipplikat għax dan il-bilanċ bejn xogħol u ħajja qed jipprova jintlaħaq fl-istess spazju.
Dan ukoll għax ħafna mir-residenzi ċkienu u bitħa, ġnien u bejt saru lussu.

Il-familji ħa jsiru aktar nukleari għax l-indipendenza minn qraba jew oħrajn li kienu jiffaċilitawhom fix-xogħol tad-dar u l-kura tat-tfal jew l-anzjani.

Għaldaqstant, il-familja nukleari ħa jkollha trawwem u ssaħħaħ ħiliet bħal djalogu, empatija, tolleranza, djalogu, resiljenza, effiċenza u parteċipazzjoni iktar ekwa ta’ diviżjoni tax-xogħol (‘division of labour’) li tista’ tinvolvi kontribut aktar ugwali mill-adulti, kif ukoll parteċipazzjoni akbar mit-tfal.

Interessanti li dwar dan nistgħu nitgħallmu ħafna minn djalogu (virtwali għalissa) ma’ familji immigranti li jgħixu Malta għax jinvolvu ħafna familji nukleari bit-tfal li m’għandhomx qraba jgħixu Malta li jistgħu jiddependu fuqhom!

Dan li qed nispjega jaf ukoll iżid ħafna stress fuq min huwa mpjegat u għandu negozju. Min iħaddem, filwaqt li jerfa’ salibu, irid ikun sensittiv għall-limiti fil-ħin li jista’ jkun dedikat għax-xogħol mill-impjegati tiegħu li m’għandhomx sapport ta’ ‘childcare centres’, inqas sapport min-nanniet jew xejn, kif ukoll qed jaqsmu l-ispazju tax-xogħol ma’ dak tal-kumplament tal-ħajja!

Fl-aħħar - u żgur mhux l-inqas - l-istudjużi tal-familja nukleari jwissu wkoll li hemm aspetti mudlama (‘dark side’) bħal esplojtazzjoni, abbuż, vjolenza domestika, negliġenza, faqar materjali u kulturali.
Dawn jaf jiggravaw u jitkattru b’riżultat tal-istress u l-limitazzjonijiet li spjegajt.
Filwaqt li huma ġustifikati, il-miżuri mmirati biex irażżnu l-imxijja tal-COVID-19 u d-distanza soċjali jnaqqsu ċ-ċans dawn jinqabdu mill-awtoritajiet minħabba l-kollateral tal-insularità tal-familja nukleari.

Hemm x’jista’ jsir: bħala ġirien aħna moralment u soċjalment responsabbilizati li b’kawtela nirrapurtaw lill-awtoritajiet kompetenti l-osservazzjonijiet li jħasbuna.

Diskutibbli wkoll l-użu etiku u responsabbli ta’ ‘sentiment analysis’ għall-moniteraġġ ta’ kif wieħed juża l-midja soċjali (eż. moniteraġġ ta’ x’wieħed jikteb jew jikklikkja) sabiex nindunaw jekk persuna hux għaddejja minn żmien ħażin u issejjaħ għall-għajnuna b’mod indirett.


Profitti u kollaterali

Ser ikun hemm iktar nies li kellhom esperjenza diretta ta’ kif għodda teknoloġiċi jistgħu jkunu integrati fil-ħajja ta’ kuljum; kif ukoll kif xogħol tad-dar u mid-dar jistgħu ikunu kkumbinati u f’aktar setturi ekonomiċi.

Ser tkun soċjetà iktar esposta għas-sorveljanza li tirriżulta’ mit-teknoloġija u l-awtoritajiet. Min imexxi ser ikollu iktar dejta dwar iċ-ċittadini li bħalissa qed inħossu bżonn li nagħtu din id-dejta u niċċaħdu minn ċertu libertajiet għax, bħalissa, s-saħħa hija prijorità.
Għalhekk, użu etiku ta’ din id-dejta huwa essenzjali; filwaqt li mportanti nassiguraw li l-qafas legali li jirregola kif din id-dejta tintuża hwa aġġornat għal dan l-aħħar żviluppi u għal dak li ġej wara.

Żgur għandu jsir investiment intensiv fl-edukazzjoni u taħriġ fuq għodda diġitali u żvilupp personali (‘soft skills’) bħal etika, komunikazzjoni, flessibilità, kreattività, innovazzjoni, ‘problem-solving’ eċċ) għal kull età.

Ħa tkun ukoll soċjetà xhud ta’ kif - minn dan kollu - hawn min ħareġ ta’ baħri tal-bnazzi, abbussiv jew opportunist, u min ħareġ ġenwin, ta’ talent, ta’ stoffa u ta’ kuxxjenza – fost il-politiċi, negozjanti, kleru, professjonisti, xandara, forzi dixxiplinati, għaqdiet mhux governattivi u bosta oħrajn.


Kriżi jew opportunità?

Fi ftit kliem il-virus li għamel ħerba qed iħalli wkoll impatti fejn in-nies jistgħu jikkapitalizzaw fuq dak li għamilhom l-ispeċi li – mhux l-aktar b’saħħitha fiżikament – iżda li s’issa, l-aktar li taf tadatta.

Dan grazzi għall-intellett tal-bniedem li kapaċi jivviżwalizza oġġett, sistema jew stat soċjali, anki jekk m’hemmx esperjenza diretta.

Għalhekk nistgħu nimmaġinaw u noħolqu sistemi ta’ ‘telework’, għalliema bi klassijiet virtwali, diversifikazzjoni tan-negozji u....eventwalment...vaċċin għall-COVID-19...kig ukoll soċjetà li din l-esperjenza ma kissrithiex, iżda emanċipata.

Għaldaqstant, dik il-“Min jaf kieku....?” hija mistoqsija vitali....litteralment!


Dr Maria Brown hija soċjologa u lettur fil-Fakultà tal-Edukazzjoni tal-Università ta’ Malta.

More in Socjali