Analiżi | 'Ma Nistax Nieħu Nifs' ... Ir-Razziżmu Qattiel u l-Aġenda Anti Razzista
Il-Professur Universitarju u Kap tad-Dipartiment tal-Arti, Komunitajiet Miftuħa u l-Edukazzjoni tal-Adulti Carmel Borg jagħti ħarsa lejn l-avvenimenti fl-Istati Uniti marbutin ma' George Floyd u l-għerq tar-razzizżmu u kif nistgħu tassew ngħelbuh, f'pajjiżna wkoll ...
minn Carmel Borg
L-allegat qtil ta’ George Floyd, taħt l-irkoppa tal-pulizija ta’ Minneapolis, xegħlet dawl qawwi fuq id-diskriminazzjoni razzjali fl-Amerka; pajjiż li nibet mit-tixrid ta’ demm l-indiġeni u mill-iskjavitù, żewġ ġerħiet li għadhom miftuħa sa llum, u li storikament setgħu jiġru għax sabu l-appoġġ tal-islaten sekulari u l-barka tal-awtoritajiet ekkleżjastiċi; ġenoċidju u negozju abbużiv ibbażati fuq it-twemmin storiku wiesa’ li l-vittmi huma anqas umani u li m’hemm xejn ħażin li jinqatlu, jinħaqru, jitmarrdu jew jintużaw għall-ispettaklu popolari billi jinqaflu f’gaġeġ mal-annimali.
Il-protesti rrabjati li seħħew fl-ibliet Amerikani, il-monumenti ta’ razzisti benevolenti, uħud minnhom sidien jew negozjanti tal-iskjavi, li tniżżlu mill-pedestalli, il-binjiet li kellhom jissemmew mill-ġdid, u t-tneħħija mis-suq ta’ prodotti b’messaġġ razzjali, uħud minnhom bi storja kummerċjali ta’ snin twal, fost reazzjonijiet oħra, wieġbu għal kuxjenza kritika kollettiva li ħadet azzjoni viżibbli u massiva biex twissi lill-mexxejja politiċi, lill-burokrazija eżekuttiva u lill-forzi tal-ordni, li żmien il-paċenzja u t-tolleranza għar-razziżmu istituzzjonalizzat għandu jkollu tmiem. Protesti, li bħan-nar tan-nixfa sajfija nfirxu fl-irkejjen kollha tad-dinja, mhux biss b’simpatija mal-komunità afro-amerikana, li tgħodd madwar 13% tal-popolazzjoni Amerikana, iżda bl-għarfien li r-razziżmu huwa universali u għandu ħafna faċċati.
Minn Minneapolis, fl-istat ta’ Minnesota, sa Malta, f’elfejn belt u raħal, f’sittin pajjiż fid-dinja, l-affermazzjoni, bl-Ingliż u b’ton irrabjat, kienet waħda: ‘Black Lives Matter’. Għajta li ilha tidwi mill-2013, is-sena li twaqqaf il-moviment bl-istess isem. Tliet kelmiet b’kontenut morali, etiku u politiku qawwi, magħġuna f’esperjenzi umani bħal dik ta’ Kamala Harris, illum viċi-presidenta eletta tal-Istati Uniti tal-Amerka, li bħala avukat ġenerali ta’ Kalifornja, f’diskors tal-inawgurazzjoni ta’ bord konsultattiv dwar l-ipprofilar razzjali, iddikjarat li mill-esperjenza tal-membri tal-familja, flimkien ma’ dik ta’ sħabha u ta’ ħabibha, ma kienet taf b’ebda raġel iswed li ma kienx suġġett għall-ipprofilar jew waqfien inġust.
Diskriminazzjoni b’dirgħajn twal, li jilħqu kull aspett tal-ħajja, mill-edukazzjoni, ix-xogħol u r-rata ta’ qfil fil-ħabs għall-aċċess għas-saħħa, it-teknoloġija u akkomodazzjoni xierqa. Inugwaljanzi b’għeruq fondi fl-ideoloġija tal-Istat, li jibqa’ relattivament indifferenti quddiem l-inġustizzji, u jinterpretahom bħala għażliet personali u opportunitajiet mitlufa mill-istess vittmi tad-diskriminazzjoni.
Il-bażi tar-razziżmu hija bioloġika u ġenetika
F’wieħed mid-diskorsi aħħarija tiegħu, Barak Obama, għaqqad il-brutalità pulizjeska fl-Amerka ta-lum mal-istorja twila ta’ diskriminazzjoni. Għall-44 President tal-pajjiż, l-impunità tal-forzi tal-ordni Amerikani hija attwali u possibbli li tiġri għax għandha s-saħħa ta’ storja twila ta’ normalizazzjoni tar-razziżmu, fejn wieħed jista’ jaħseb u jaġixxi b’mod razzist, fil-miftuħ u bla mistħija.
Aġenda anti-razzista tmur lilhinn mill-politika taċ-ċelebrazzjoni tal-kċejjen u l-ilbies differenti. L-aġenda anti-razzista: tagħraf u tagħti viżibilità lill-kontribuzzjonijiet storiċi u attwali ta’ dawk li dejjem qisnihom bħala l-oħrajn; timbotta l-preżenza tal-‘ieħor’ f’kull sfera tal-ħajja fil-pajjiż
Filwaqt li d-definizzjonijiet tar-razziżmu huma ħafna, storikament ir-razziżmu dejjem emfasizza l-karatteristiċi ġenetiċi u bioloġiċi ta’ ċertu gruppi etniċi, b’differenzi mibnija fuq it-twemmin falz, infurmat mill-psewdo xjenza, li xi gruppi etniċi huma ġenetikament superjuri għal oħrajn. Mal-bażi bioloġika u ġenetika tar-razziżmu, twaħħdu xejriet kulturali, inkluż ir-reliġjon, f’taħlita ta’ stereotipi u tikketti li l-effett tagħhom huwa t-twarrib, il-mibegħda, id-diskriminazzjoni, il-preġudizzju, l-aħbarijiet foloz, il-vjolenza fiżika u verbali, il-vandaliżmu, l-iżolament ġeografiku, l-inviżibilità, l-akkużi foloz, il-polarizazzjoni soċjali, u l-analiżi simplistika ta’ relazzjonijiet soċjali kumplessi.
F’borma razzjalment tossika, u f’mumenti storiċi partikolari, bħall-attakk tal-11 ta’ Settembru, l-istereotipi jagħtu ċertezza lill-kunfużjoni mentali li joħloq il-mument u mira definttiva għal fejn għandha tiġi ndirizzata r-rabja kollettiva. Għalhekk, l-għajta emmnuta mill-miljuni li ‘mhux kull Musulman huwa terrorist iżda kull terrorist huwa Musulmun’; għajta islamofobika li m’għandha l-ebda bażi fil-verità, iżda li twemmnet u saret stennija kull darba li jkun hemm qtil tal-massa jew attakk terroristiku.
L-istorja ta' Jacob, Yannick u Rashed
F’Malta, il-qtil ta’ George Floyd serva biex xi mġarrba u dawk li jesperjenzaw it-tiġrib tagħhom mill-qrib, ifakkruna li ’l hinn mill-mistoqsija ta’ kemm tiflaħ popolazzjoni din il-gżira, Malta għandha problema serja ta’ razziżmu. Laqatni video bl-istejjer ta’ tliet żgħażagħ Maltin - Jacob, Yannick u Rashed - li fetħu qalbhom dwar ir-razziżmu f’Malta, kif esperjenzawh b’mod dirett huma.
Permezz ta’ video bit-titlu ‘Suwed u Maltin’, it-tliet żgħażagħ, vittmi ta’ diskors b’kontenut qawwi razzista, jirrakkuntaw kif ilsien il-Malti jbarri u jintimida lil min ma jidħolx fid-definizzjoni dominanti u daqstant problematika ta’ min hu Malti.
Fit-tgħajjir tal-Malti, kif joħroġ b’mod ċar mill-video, mhux biss tispikka l-mibegħda razzjali iżda wkoll l-injoranza grassa kulturali, bħall-idea li kull min għandu ġilda skura huwa Afrikan, jew li kull min huwa Għarbi huwa Musulman.
L-abbuż verbali li ġarrbu t-tliet żgħażagħ Maltin huwa intenzjonat biex iweġġa’. Litanija ta’ offiżi li jinkludu: ‘mur lura pajjiżek’, ‘f’..xx is-sewda ommok’, ‘you monkey’, ‘mur ħudu, banana’, ‘go back to Africa’, ‘int m’intix veru Malti’, u ‘dokumenti Maltin biss għandek’. Diskors mibni madwar il-kunċett eġemoniku li l-Malti vera, jew aħjar, il-Malti pur, huwa abjad, frott konjugali ta’ żewġ Maltin puri u, għalhekk, f’moħħ min qiegħed jgħajjar, iż-żgħażagħ qegħdin iqarrqu billi jilbsu identità li mhix tagħhom.
Fit-tgħajjir razzista wieħed jista’ jaqra wkoll theddida: (kliemi) ‘aħna, il-maġġoranza, il-vera Maltin, mhux se nħalluk tqarraq bina u se nibqgħu nfakkruk, anke jekk għandek id-dokumenti kollha li juru li int Malti, li int mhux eżattament wieħed minna. Int se tibqa’ l-barrani f’pajjiżek, l-itturufnat f’darek. Bħal George Floyd, mhux se ntuk ċans tieħu nifs’.
Ikun żball jekk wieħed jgħaddi t-tgħajjir imġarrab mit-tliet żgħażagħ bħala injoranza. L-offiżi għandhom l-għan preċiż li jbarru, jiżolaw u jirrinforzaw il-kunċett tal-aħna u huma. Il-ħassieb Franċiż Michel Foucault iqis il-produzzjoni tal-għerf dwar l-ieħor – l-imigrant li jisraq ix-xogħol tal-Malti, jwaqqa’ l-pagi tal-Maltin u jmarrad lil kulħadd jew l-Iżlamisti fanatiċi li se jimluna b’ħafna tfal, jaħtfu l-parlament, u jmexxu l-pajjiż bil-liġi tax-Xaria - huwa parti minn proċess ta’ produzzjoni ta’ għerf immaġinarju dwar l-ieħor.
Rappreżentazzjonijiet (foloz) dwar l-‘ieħor’ li jservu lill-poter soċjo-politiku u ż-żamma ta’ ġerarkiji ta’ dominju.
Eżerċizzju ta’ priservazzjoni mibni fuq it-tixrid tal-biża’, l-għajta għas-sorveljanza, it-talba għall-impunità, il-ġustifikazzjoni tad-diskriminazzjoni, u l-binja ta’ identità Maltija mmaġinarja. Fi kliem Zygmunt Bauman, is-soċjologu u filosofu Pollakk, it-tfittxija għall-identità nazzjonali awtomatikament toħloq il-bżonn tal-‘huma il-barranin’ li kważi dejjem jispiċċaw fis-saffi t’isfel tal-ġerarkija soċjali u ekonomika. Għall-intellettwali Franċiża Simone de Beauvoir, din id-dikotomija hija fundamentali għal ħsieb il-bniedem - fejn hemm l-aħna bilfors irid ikun hemm l-huma.
Fl-ottimiżmu ta’ Jacob, Yannick u Rashed, lejn tmiem il-video, nara l-ixquq tar-razziżmu u l-possibilità ta’ aġenda anti-razzista, mibnija mhux biss fuq l-għajta li ‘aħna m’aħniex razzisti’, iżda fuq l-affermazzjoni li ‘aħna kontra r-razziżmu’. Aġenda anti-razzista tmur lilhinn mill-politika taċ-ċelebrazzjoni tal-kċejjen u l-ilbies differenti.
L-aġenda anti-razzista: tagħraf u tagħti viżibilità lill-kontribuzzjonijiet storiċi u attwali ta’ dawk li dejjem qisnihom bħala l-oħrajn; timbotta l-preżenza tal-‘ieħor’ f’kull sfera tal-ħajja fil-pajjiż; tinterroga l-esperjenza kurrikulari f’kull saff tas-sistema edukattiva; tisfida imġiebet l-istituzzjonijiet fil-konfront ta’ dawk li s-soċjetà tqis bħala l-oħrajn u tara jekk l-kulturi istituzzjonali nfushom humiex ħatjin ta’ dan l-aġir; taħdem għall-inklużjoni ġenwina f’kull sfera tas-soċjetà; tiżgura tibdil strutturali li jiggarantixxi aċċess ekwu lil kulħadd; tara li l-politika anti-razzista ssir l-aġenda uffiċjali ta’ kull istituzzjoni; tiżgura li hemm rieda politika għat-tbdil strutturali u li hemm tħejjija intellettwali soda fit-tmexxija politika u istituzzjonali f’dan ir-rigward; u taħdem b’risq kapaċità kollettiva favur l-anti-razziżmu permezz ta’ allejanzi strateġiċi.
Fil-proċess, hemm bżonn li kontinwament nikkonfrontaw il-mod kif bnejna l-identità tagħna, il-preġudizzji u l-istreotipi li ġmajna, il-forom differenti ta’ oppressjonijiet u razziżmi li ħloqna, u li barrewna mid-djalogu interkulturali. Dan huwa obbligu morali kollettiv doveruż li qajla nistgħu ninjorawh jekk irridu nibnu lil Malta li qatt ma kienet.