Sondaġġ ILLUM | Min iħobb jilgħabhom? L-irġiel u l-anzjani l-aktar ...

Il-maġġoranza tal-Maltin ma jilgħabuhomx. Imma minn fost dawk il-43% li jilgħabu, l-aktar favorita hija s-Super 5.  Dan is-sondaġġ xjentifiku juri illi aktar kemm tikber u inqas il-kwalifiċi edukattivi li jkollok, aktar hemm ċans li tittanta xortik ..

Il-Maltin iħobbu jilgħabu l-flus?  U dawk li jilgħabu, x'jilgħabu? 

Sondaġġ xjentifiku tal-gazzetta ILLUM magħmul minn Polar Surveys juri illi l-irġiel jilgħabu aktar minn nisa u l-anzjani aktar minn dawk ta' età aktar żagħżugħa.  Minkejja dan, il-maġġoranza tal-poplu ma tilgħabx flus jew ma taqtax biljetti ta' logħob li jinvolvi flus. 

L-aktar logħba popolari f'Malta skont dan is-sondaġġ hija dik tas-Super 5, li tintlagħab minn 31.3% tal-popolazzjoni u hija popolari l-aktar fost il-parteċipanti tan-nofsinhar tal-port.  It-tieni l-aktar logħba popolari, b'9.7% hija l-lottu bil-fenomeni aktar riċenti ta' logħob onlajn jibqgħu pjuttost lura (Online Casino: 0.4% ).  Anke l-logħob tal-azzard li jitratta mħatri dwar l-isports mhuwiex daqstant popolari daqs kemm wieħed jaħseb, b'0.6% biss jgħidu li jilgħabuh.

Intant f'termini ta' ġeneru filwaqt li huma 33.7% tal-irġiel li jilgħabu s-Super 5, huma 28.9% tan-nisa li jagħmlu l-istess.  Xejra simili hija fil-logħob tal-lottu, fejn 11.8% tal-irġiel jilgħabuh filwaqt li huma 4.1% inqas tan-nisa li jilgħabu l-Lottu, għal total ta' 7.7%. 

F'termini ta' etajiet, huma dawk ikbar fl-età li jħobbu jilgħabu - speċjalment dawk bejn il-51 u 65 sena, pero' anke dawk 'il fuq minn 65 sena.  

Huma fil-fatt 33.3% u 32.3% ta' dawk bejn il-51 u 65 sena u 65+ rispettivament li jilgħabu s-Super 5.  Dawn il-persentaġġi jonqsu ftit fost dawk bejn it-18 u l-35 sena għal 29.6%.  Il-Lottu tibqa', manifestament, logħba li mhux popolari mal-etajiet iż-żgħar u medji, tant li huma biss 3.2% ta' dawk bejn it-18 u l-35 sena u 8.2% ta' dawk bejn il-35 u l-50 sena li jilgħabu din il-logħba.  Kuntrarjament għal dan, kważi 15% ta' dawk aktar minn 65 sena u 13.7% ta' dawk bejn il-51 u l-65 jilgħabu l-lottu. 

 

Tan-nofsinhar tal-Port l-aktar li jilgħabu Super 5 u tat-Tramuntana tal-Port, Lottu

Jekk imbagħad nagħtu ħarsa lejn is-sondaġġ ta' Polar Surveys, jirriżulta li ġeografikament l-aktar reġjun illi fih il-parteċipanti qalu illi jilgħabu huwa dak tan-nofsinhar tal-Port, fejn hemm minoranza sostanzjali ta' 43.7% li wieġbu illi jilgħabu s-Super 5 - l-ogħla fi kwalunkwe grupp ta' parteċipanti.  Fost il-parteċipanti minn dan ir-reġjun kienu b'kollox maġġoranza ta' 49.4% li qalu illi ma jilgħabux. 

Minkejja dan il-parteċipanti fit-tramuntana tal-port huma l-aktar li qalu illi jilgħabu l-lottu, b'16.8%. 

F'termini ta' sfond edukattiv l-aktar li jilgħabu huma dawk b'livell sekondarju ta' edukazzjoni fejn 14.8% semmew il-lottu u 35.6% s-Super 5.  Dan apparti li numri żgħar u fil-marġini ta' żball tas-sondaġġ, semmew l-Online Casino u l-Imħatri dwar l-Isport.  Kienu 48.1% li qalu illi ma jilgħabux. Kuntrarjament għal dan dawk b'edukazzjoni primarja - fejn il-probabbilità hija li d-dħul ikun inqas - jilgħabu ħafna inqas, b'69.6% jgħidu li ma jilgħabux. 

Minn naħa l-oħra dawk b'edukazzjoni terzjarja, minkejja li l-probabilità hija li d-dħul fost dawn in-nies huwa akbar, 66.4%, xorta qalu illi ma jilgħabux flus.

More in Socjali