Il-Kurja b'direttivi dwar kif għandha tkun iċċelebrata l-liturġija fit-Tridu tal-Għid
Fost oħrajn il-Kurja ħarġet linji gwida ċari dwar kif għandhom jiġu ċċelebrati s-Seba' Visti
More in Socjali
Fost oħrajn il-Kurja ħarġet linji gwida ċari dwar kif għandhom jiġu ċċelebrati s-Seba' Visti
L-Arċidjoċesi ppubblikat direttivi ġodda dwar kif għandha tkun iċċelebrata l-liturġija matul it-Tridu tal-Għid il-Kbir.
Kif kien żvela dan is-sit, din is-sena fil-knejjes jistgħu jintramaw biss ix-xbihat tar-Redentur, il-Vara l-Kbira u tad-Duluri. L-irxoxt jista’ jintrama wkoll fl-Għid.
Il-Kurja appellat biex dawn jinħarġu u jidħlu fin-niċċa b’mod privat. Insistiet li ma jistgħux isiru purċissjonijiet, la ġewwa u lanqas barra mill-knisja.
F’Ħamis ix-Xirka filgħaxija, fit-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej, mhux ser isir ir-rit tal-ħasil tar-riġlejn. Bil-permess tal-Arċisqof tista’ ssir quddiesa oħra filgħaxija jekk il-ħtiġijiet pastorali tal-komunità jirrikjedu dan.
F’każ li jsiru żewġ quddisiet, il-purċissjoni lejn l-Artal tar-Repożizzjoni (Sepulkru) għandha ssir fl-aħħar quddiesa u bl-inqas ammont ta’ nies possibbli.
Fejn jidħlu s-Seba’ Visti, il-Kurja qed tappella biex ħadd ma joħroġ u jidħol fil-knisja bejn riflessjoni u oħra imma kulħadd se jkun imħeġġeġ jibqa’ f’post wieħed.
Barra minn hekk, m’għandhomx jiġu organizzati visti li jitolbu lill-Insara jżuru aktar minn knisja waħda.
Fil-Ġimgħa l-Kbira, it-tifkira Solenni tal-Passjoni tal-Mulej li ssir waranofsinhar, ser issir bl-eċċezzjoni tal-bews tas-Salib. Minflok għandu jsir mument qasir ta’ Adorazzjoni tas-Salib.
Fil-Vġili tal-Għid, iċ-ċelebrazzjoni ssir bħas-soltu bid-differenza li l-poplu ma jinġabarx ħdejn il-bieb ta’ barra għat-tberik tan-nar imma jsegwi minn postu.
Bil-għan li l-persuni morda u dawk vulnerabbli jkunu jistgħu jieħdu sehem f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet tant importanti għall-fidi Nisranija, din is-sena wkoll l-Arċidjoċesi ta’ Malta u l-Public Broadcasting Services ser iwasslu b’mod dirett il-funzjonijiet li ser jippresiedi l-Arċisqof Charles Scicluna. Dawn ser jixxandru mill-Konkatidral ta’ San Ġwann.