Titellgħa konferenza nazzjonali rigward il-futur tal-kura tad-dimensja

Jingħataw rikonoxximent nies li jaħdmu b’determinazzjoni f’dan il-qasam

Ritratt: Ministeru Għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva
Ritratt: Ministeru Għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva

Id-Direttorat tad-Dimensja u l-Aġenzija tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità tella’ konferenza nazzjonali bit-tema “Empowering Minds: Innovation and Compassion in Dementia Care”, -avveniment ġab flimkien professjonisti, riċerkaturi u esperti tas-saħħa sabiex jiddiskutu il-futur tal-qasam tal-kura tad-dimensja.

“Id-Dimensja taffettwa l-memorja, l-identità u r-relazzjonijiet, l-elementi li jagħmluna min aħna. U minkejja l-isfidi, kull persuna li tbati bid-dimensja għad għandha x’toffri, filwaqt li għad għandha l-jedd li tgħix b’dinjità,” qal is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea.

Is-Segretarju Parlamentari enfasizza li lgħan tal-Gvern li l-anzjanità tkun rispettata, fejn il-kura għall-persuni bid-dimensja tkun waħda personalizzata u ta’ kwalità għolja. Huwa semma wkoll inizjattivi innovattivi bħall-Brain Health Clinics u programmi ta’ stimolu konjittiv, li juru kif l-approċċ lejn id-dimensja f’Malta qed jinbidel b’mod attiv.

Appella wkoll għall-appoġġ kontinwu lill-caregivers, dawk professjonisti kif ukoll membri tal-familja, li jiddedikaw ħajjithom għall-kura tal-oħrajn. “Ma nistgħux nistennew eċċellenza fil-kura jekk ma ninvestux fl-għajxien u l-benesseri ta’ dawk li jagħtu dik il-kura,” temm jgħid Agius Galea.

L-avveniment temm b’ċerimonja ta’ premjijiet b’rikonoxximent tal-kontribuzzjonijiet t’ individwi u timijiet fil-qasam tad-dimensja li jaħdmu bla waqfien biex itejbu l-ħajja ta’ dawk li jgħixu bid-dimensja.

Fost il-kelliema kien hemm ukoll il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, iil-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità Renzo De Gabriele, id-Direttur tad-Direttorat tal-Kura tad-Dimensja Alex Gobey, kif ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Alzheimer’s Disease International Paola Barbarino. Matul il-ġurnata, diversi professjonisti u carers qasmu l-esperjenzi tagħhom u ppreżentaw inizjattivi li jpoġġu l-persuna fiċ-ċentru tal-kura tad-dimensja.

More in Socjali