Ftit inqas minn 3,000 student qed jibbenefikaw minn Skema 9

In-numru jirrappreżenta żieda ta’ kważi 400 student mis-sena skolastika preċendenti iżda huwa inqas min-numru rekord tas-sena skolastika 2021/2022

"8.24% tal-istudenti li qed jibbenefikaw minn din l-iskema" fis-sena skolastika 2024/2025, qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima

Hemm 2,877 student li qed jibbenefikaw minn Skema 9, skont il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima. 

Dan ifisser li hemm “8.24% tal-istudenti li qed jibbenefikaw minn din l-iskema,” qal Grima fil-Parlament. 

Huwa kien qed iwieġeb lill-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet tat-Tfal Graziella Attard Previ. Attard Previ staqsietu dwar kemm hemm studenti li qed jibbenefikaw minn Skema 9 u x’persentaġġ dawn jippreżentaw meta mqabbla mal-istudenti kollha. 

Skema 9 bdiet fis-sena skolastika bejn l-2016-2017 bħala inizjattiva tal-Ministeru tal-Edukazzjoni biex tgħin lil tfal fil-bżonn. 

L-iskema tkopri numru ta’ għotjiet, inklużi vawċer għall-uniformi, lunch kuljum, pakkett ta’ stationary, u għażla t’attività ekstrakurrikulari li jinkludu FES Skolasajf, FES Klabb 3-16, SportMalta programm tas-sajf jew programm tax-xitwa. 

Biex tkun eleġibbli għal dil-iskema, trid taqa’ taħt wieħed minn dawn il-kriterji: 

  1. benefiċjarji tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għal Dawk l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) li għandhom żewġt itfal jew aktar bejn it-3 u s-16-il sena (dawn jiddependu biss fuq benefiċċji mhux kontributorji), jew 
  2. familji ta’ tifel wieħed jew tifla waħda li jiddependu fuq benefiċċji mhux kontributorji, jew 
  3. familji b'żewġt itfal jew aktar li kull sena jaqilgħu paga minima nazzjonali jew inqas, jew 
  4. familji li jibbenefikaw mill-benefiċċju mogħti mill-Aġenzija tal-Welfare tal-Persuni li Jfittxu Ażil (AWAS) 

Żieda fin-numru ta’ studenti li jibbenefikaw mill-iskema mis-sena skolastika l-oħra 

Skont statistika li ta Grima f’seduta parlamentari oħra, jidher li n-numru ta’ studenti li qed jibbenefikaw minn dil-iskema huwa ogħla min-numru tas-sena skolastika ta’ qabel iżda xorta inqas min-numru rekord li kien fis-sena skolastika 2021/2022. 

Dan kien meta ġie mistoqsi mill-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar dwar in-numru ta’ studenti li bbenefikaw minn dil-iskema fl-aħħar ħames snin skolastiċi, jiġifieri mill-2020 sal-2025. 

Jidher li n-numru ta’ studenti huwa bejn wieħed u ieħor konsistenti kull sena, b’differenzi żgħar biss minn sena għal oħra. L-ogħla numru kien fis-sena skolastika 2021/2022 fejn kien hemm kważi 3,000 student jibbenefikaw minn dil-iskema. 

L-iżgħar numru li ntlaħaq kien fis-sena skolastika 2023/2024 fejn kien hemm ftit inqas minn 2,500 student li jibbenefikaw minn Skema 9. Dak ifisser li kien hemm żieda ta’ ftit inqas minn 400 student mis-sena skolastika l-oħra ’l hawn. 

More in Socjali