Il-kannabis: il-liġi preżenti, il-famuża White Paper u l-opinjonijiet
Il-gazzetta ILLUM tagħti daqqa ta’ għajn lejn il-liġi tal-kannabis, kemm fil-preżent kif ukoll fil-futur, dejjem jekk tingħata l-approvazzjoni tal-Parlament. Ħarsa wkoll lejn x’jaħsbu dwar dan kollu għaqdiet kontra u favur il-legalizzazzjoni tal-kannabis.
minn Marianna Calleja
Il-liġi f’Malta ma tikkastigax l-użu tal-kannabis, madankollu dan ma jfissirx li wieħed jista’ jagħmel użu mill-kannabis mingħajr riperkussjonijiet legali. Il-liġi Maltija tittratta l-kannabis b’mod differenti minn sustanzi oħra. Il-pussess tal-kannabis għall-użu personali bi 3.5 grammi ta’ fjura tal-kannabis jew inqas jwassal għal multa ta’ €50 sa €100, filwaqt li dawk li jinqabdu bi droga oħra jiġu mmultati minn €75 sa €125.
Minkejja l-fatt li sempliċiment iġġorr kannabis f'ammonti żgħar mhix reat, dan m'għandux iħeġġeġ lill-individwi biex jikkunsmaw kannabis fil-pubbliku. L-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi xorta jistgħu jarrestaw lil kull min jaqbdu bil-kannabis u jinterrogawhom biex isiru jafu minn fejn akkwistaw id-droga.
L-Att dwar id-Dipendenza fuq id-Droga tal-2014 isemmi li kull persuna akkużata b’pussess għandha tiġi pproċessata quddiem il-Kummissarju tal-Ġustizzja. L-Att isemmi wkoll li delinkwenti li ġew mressqa l-qorti iktar minn darba, huma meħtieġa jattendu l-Bord għar-Rijabilitazzjoni tad-Droga. Li tmur kontra l-Qorti, jista’ jirriżulta f'multa jew tliet xhur priġunerija.
Intant dawk li huma akkużati b’reati ta’ provvista jistgħu jiġu kkundannati sa 10 snin priġunerija. Fl-istess ħin, reati serji jistgħu jiġu kkundannati għal sentenzi itwal, inkluż priġunerija għal għomorhom minn qorti superjuri.
Bejgħ tad-drogi 100 metru ‘l bogħod minn kwalunkwe post użat miż-żgħażagħ bħal skejjel, klabbs jew ċentri taż-żgħażagħ huwa kkunsidrat bħala reat aggravanti u jista’ jwassal għal kastigi miżjuda.
L-użu tal-kannabis mediċinali
Fl-2018, il-Gvern illegalizza l-kannabis għall-użu mediċinali b’riċetta tat-tabib. L-użu tal-kannabis għall-raġunijiet mediċinali huwa mħares mill-qrib, l-istess bħal narkotiċi oħra bir-riċetta. It-tobba jridu juru li l-kannabis ma kinitx l-ewwel għażla ta’ trattament u li t-trattamenti preċedenti li ppruvaw ma rnexxewx. Meta pazjent ikollu karta u riċetta valida, jista’ jixtri kannabis medika direttament minn spiżerija.
L-iktar mediċini effettivi tal-kannabis huma dawk li fihom il-profil sħiħ tal-pjanti, jiġifieri THC, CBD, kannabinojdi, terpeni u flavonoids. It-tipjip mhux irrakkomandat. Il-vaporizzazzjoni tal-materja prima -bħala fjura tal-kannabis- huwa l-iktar f’Malta billi l-fjuri niexfa huma disponibbli legalment fl-ispiżeriji.
Il-materjal tal-pjanta jissaħħan f'apparat mediku approvat u l-fwar li joħroġ jinġibed man-nifs mill-pazjent. It-temperatura tal-vaporizzatur hija aġġustata skont l-effett terapewtiku meħtieġ billi kannabinojdi u terpeni differenti huma attivati f'temperaturi differenti. Il-vaporizzazzjoni tal-kannabis tipprovdi effett terapewtiku ta' malajr li jdum sa madwar 4 sigħat, li jfisser li l-mediċina tkun teħtieġ li tingħata f'intervalli regolari.
Il-White Paper dwar id-dikriminalizzazzjoni tal-kannabis għall-użu personali
Fl-1 ta’ Marzu, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li fil-kabinett ġiet ippreżentata l-White Paper dwar id-dikriminalizzazzjoni sħiħa tal-pussess tal-kannabis għall-użu personali. Il-pass li jmiss hu li l-Gvern iressaq dan l-abbozz għall-konsultazzjoni biex eventwalment jitressaq ukoll għall-approvazzjoni tal-Parlament.
'Qed isiru abbużi kontra persuni li jikkunsmaw il-kannabis'
Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ għaqda li ilha tiġġieled favur il-legalizzazzjoni tal-kannabis mill-2017. Il-President tal-għaqda ReLeaf, Andrew Bonello offra diversi raġunijiet għaliex il-kannabis għandha tiġi legalizzata "b’għaqal."
“Fix-xhur li għaddew, l-abbużi inumani u tad-drittijiet tal-bniedem kontra persuni li jikkunsmaw il-kannabis komplew jitfgħu dell fuq l-isforzi ta’ Malta biex tkun minn ta’ quddiem fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem,” beda Bonello. Hu ta eżampji ta’ kif persuni għaddew minn sitwazzjonijiet inġusti wara li nqabbdu b’din is-sustanza, fosthom Daniel Holmes.
Holmes qatta’ tmien snin u nofs fil-ħabs ta’ Kordin wara li l-pulizija sabuħ ikabbar pjanti tal-kannabis f’daru għall-użu personali. Hu ġie akkużat b’traffikar tad-droga u intbagħat 10 snin ħabs. Il-każ tiegħu qajjem rabja kbira dwar il-liġijiet stretti tal-kannabis.
Bonello tkellem ukoll fuq każ ferm aktar riċenti. F’Jum San Valentinu, skont hu koppja żagħżugħa “ġiet trawmatizzata” u arrestata talli kkunsmat il-kannabis. “Din hija biss il-ponta tal-problema u mijiet ta' nies qed ikomplu jddgħajfu fil-ħabs jistennew ġudizzju għal reat mhux vjolenti,” insista Bonello.
Hu qal lill-gazzetta ILLUM li din hi bidla fil-liġi li teħtieġ li l-ewwel u qabel kollox tikkoreġi l-abbużi tal-passat u tiżgura li l-konsumaturi jew il-kultivaturi tal-kannabis għall-konsum personali ma jibqgħux "iffastidjati" mill-pulizija jew jispiċċaw f'każijiet twal u għaljin ħafna fil-Qorti.
Hawn Bonello saħaq li huwa imperattiv li kwalunkwe bidla leġiżlattiva tinkludi t-tneħħija tal-użu tal-kannabis għall-użu personali mir-rekords kriminali. Intant hu żied jgħid li “tkun inġustizzja doppja li tbiddel il-liġi preżenti u tinsa’ lin-nies li għadhom qed jitħabtu sal-lum jew li spiċċaw il-ħabs.”
Kannabis ta’ kwalità tajba u sistema edukattiva aktar infurmata
Bħalissa, persuna li tixtieq tagħmel użu mill-kannabis ikollha tirrikorri għal suq illeċitu. Andrew Bonello spjega kif xi kultivaturi lokali jistgħu jkunu qed jipprovdu pjanti ta’ kwalità tajba kkultivati f’parametri organiċi u sostenibbli. Hu jkompli jgħid li “dan xorta mhux jgħin lil konsumatur iħossu sigur. Il-konsumatur ma jistax jiċċekkja l-prodott għal xi tbagħbis, li jagħżel il-proporzjon it-tajjeb ta’ THC jew CBD u lanqas jitlob aktar dettalji relatati mal-pjanta.”
Skont hu f’sistema regolata u legalizzata, il-persuna titħalla tikkultiva l-kannabis fil-privatezza ta’ darha, u b'hekk tieħu kontroll sħiħ u responsabiltà tat-tip ta’ kannabis li qed tikkonsma. Din il-persuna tista ukoll tingħaqad ma’ klabb soċjali tal-kannabis fejn il-kultivazzjoni u l-qsim tal-kannabis jsiru f'ambjent magħluq u mingħajr negozji u kummerċjalizzazzjoni żejda.
Regoli, Edukazzjoni u Ekwità soċjali
ReLeaf Malta dejjem enfasizzat l-importanza tat-tqabbil tal-legalizzazzjoni mar-regoli, l-edukazzjoni u l-ekwità soċjali. Din l-għaqda kienet minn ta’ quddiem biex tagħmel emfasi fuq id-drittijiet ta’ nies li jikkunsmaw il-kannabis. Bonello żied jgħid, “li huwa ovvju li b'sett ta’ drittijiet jiġu numru ta' dmirijiet, u huwa għalhekk li l-komponent tar-responsabbiltà huwa importanti. Djalogu mhux ġudizzjarju u mhux kriminali jista’ jżid il-fiduċja tal-konsumaturi, jżid l-għarfien tar-responsabbiltà min-naħa tal-konsumatur u jippromwovi wkoll tnaqqis fil-monopolju mis-suq illeċitu.
Għal żmien twil, skont Bonello, in-nies li jagħmlu użu mill-kannabis ġew meqjusa bħala mhux affidabbli u ppersegwitati minn aġenti tal-infurzar tal-liġi fuq it-twemmin falz li l-konsum tal-kannabis se jwassal għal eskalazzjoni tal-użu tas-sustanzi u fl-aħħar għall-kriminalità. Hu temm jgħid li “huwa importanti li l-legalizzazzjoni tiżviluppa l-istrutturi meħtieġa biex teduka lill-konsumaturi kif itaffu r-riskji potenzjali bħal taħlit tat-tabakk, sewqan taħt l-influwenza, u aktar.”
'Persuna li tuża l-kannabis m’għandhiex tintbgħat il-ħabs'
Caritas tirrikonoxxi li mhux kull min jagħmel użu mill-kannabis isir dipendenti minnha, kif ukoll li l-ebda persuna m’għandha tiġi arrestata fuq pussess sempliċi. Tant hu hekk li Caritas għafset fuq l-importanza li “bħala soċjetà rridu nevalwaw sewwa din is-sitwazzjoni".
Tajjeb li nsemmu li flimkien ma’ Fondazzjoni Oasi, Aġenzija Sedqa u l-Assoċjazzjoni tal-Psikjatrija f’Malta, Caritas ħarġet stqarrija dwar l-użu tal-kannabis u l-implikazzjonijiet wara l-legalizazzjoni ta’ din is-sustanza.
Fl-istqarrija li intbagħtet lura fi Frar huma mhux biss ippreżentaw l-opinjoni tagħhom dwar kif il-kannabis tista’ taffetwa l-individwu iżda ukoll offrew numru ta’ rakkomandazzjonijiet. Dawn l-għaqdiet stqarrew li din il-liġi se tkun qed twassal messaġġ li s-sustanza mhix ta’ tant periklu u li jista’ jkolla valur rikreattiv. Fi kliemhom “din il-leġiżlazzjoni se tkun qed twassal għal iktar normalizzazzjoni tas-sustanza."
Huma wrew ukoll it-tħassib tagħhom fuq kif il-legalizzazzjoni tal-kannabis se tkun qed iġġħiel lill-bejjiegħa tas-suq illeċitu jbiddlu l-mod kif din is-sutanza tinbiegħ. Skont huma, “is-suq illeċitu bħal kull suq ieħor jadatta għal-legalizzazzjoni għal użu rikreazzjonali billi jraħħas il-prezz jew joffri sustanza iktar ikkonċentrata.”
Kolletivament huma rrikonoxxew li hemm bżonn iktar sensibbilità għall-persuni li jużaw il-kannabis. “Li persuna li tagħmel użu mill-kannabis personalment, m’għandhiex tintbagħat il-ħabs jew tinżamm arrestata minħabba l-użu per se.”
Intant bħall-għaqda ReLeaf, huma ammettew li mhux ġust li dawn il-persuni jiġu stigmatizzati.