L-Air Malta żżid it-titjiriet għas-sajf ... tinnota żidiet fil-bookings mill-Ġermanja u l-Olanda

L-Air Malta se topera 51 titjira ta' ritorn kull ġimgħa lejn 15-il destinazzjoni, dan is-sajf

L-Air Malta
L-Air Malta

Bil-frekwenzi miżjuda u bil-bidu mill-ġdid tas-servizzi lejn il-bliet Ewropej ta’ Lisbona, Munich, Praga u Vjenna, il-linja tal-ajru qed tippjana li topera 51 titjira ta’ ritorn kull ġimgħa lejn 15-il destinazzjoni f’Ġunju.  Hekk ħabbret il-Linja Nazzjonali tal-Ajru Air Malta, bil-Kap Kummerċjali tal-kumpanija Roy Kinnear jgħid illi qed tiġi nnotata żieda fil-bookings mill-Olanda u l-Ġermanja, li neħħew lil Malta mil-lista ta' pajjiżi b'riskju għoli ta' Covid-19.

Kinnear fakkar li aktar kmieni dan ix-xahar l-Air Malta impenjat ruħha li topera 500 titjira ta’ ritorn dan is-sajf. “Għalkemm l-iskeda tat-titjiriet tas-sajf tagħna tibqa’ ferm inqas minn dik li wettaqna fis-Sajf tal-2019, nibqgħu flessibbli fl-adattament tan-network u tal-iskeda tagħna biex niżguraw konnettività essenzjali tal-passiġġieri u tal-merkanzija lejn u mill-Gżejjer Maltin."

Huwa temm jgħid li hekk kif id-domanda u l-bookings jiżdiedu, "għandna l-kapaċità li nżidu l-operat tagħna b’aktar titjiriet fix-xhur li ġejjin jekk ikun meħtieġ."

 

More in Socjali