Agenzija Żgħażagħ tnedi żewġ skemi għall-kittieba żgħażagħ ta' letteratura bil-lingwa Maltija

Dawn l-iskemi saru bil-għan li jitħarsu t-tradizzjonijiet ta' pajjiżna, f'dan il-każ il-lingwa Maltija

Aġenzija Żgħażagħ nediet żewġ skemi maħsuba għall-kittieba żgħażagħ biex jippubblikaw ix-xogħlijiet tagħhom bil-lingwa Maltija. Dawn huma ‘Il-Konkors ta’ Letteratura għaż-Żgħażagħ’, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, kif ukoll ‘ASKing Youth’, programm ta’ ERASMUS+ b’fondi mill-Unjoni Ewropeja. Dawn l-iskemi se jwasslu biex jitħarsu t-tradizzjonijiet ta’ pajjiżna, din id-darba bl-użu tal-lingwa Maltija.

Waqt id-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti saħaq fuq l-importanza ta’ skemi simili immirati b’mod partikolari għaż-żgħażagħ. “Huwa ferm importanti li nkomplu nħarrġu awturi ġodda, b’mod partikolari liż-żgħażagħ, biex inkabbru aktar il-letteratura Maltija. Għaldaqstant, skemi bħal dawn jagħtu spazju u għajnuna lil dawk il-kittieba żgħażagħ li jaqtgħu qalbhom isegwu din il-karriera fil-letteratura minħabba diversi problemi, fosthom dawk finanzjarji,” tenna s-Segretarju Parlamentari.

Tkellem ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri, fejn qal li, “nemmnu ħafna fil-Konkors ta’ Letteratura għaż-Żgħażagħ, għax nemmnu bis-sħiħ fil-letteratura għaż-żgħażagħ u l-benefiċċji tagħha.” Huwa żied billi sostna l-importanza ta’ kollaborazzjonijiet simili li jwasslu sabiex jitniedu dawn l-inizjattivi.

Is-Senior Manager t’Aġenzija Żgħażagħ Jason Zammit tkellem fuq il-proġett ‘ASKing Youth’ li Aġenzija Żgħażagħ qiegħda tniedi flimkien ma’ żewġ partners Ewropej; l-Università ta’ Salerno u MISSS, fis-Slovenja. “Permezz ta’ dan il-proġett, l-aġenzija qiegħda tkompli toffri spazji fejn iż-żgħażagħ li għandhom għal qalbhom il-letteratura jkomplu jimirħu fil-kitba kreattiva billi 30 kittieb minn tliet pajjiżi differenti se jiktbu dwar l-esperjenza ta’ żgħożithom. Ir-riċerkaturi taż-żgħażagħ se jkunu qed janalizzaw dawn il-kitbiet u joħorġu l-kompetenzi li għandhom bżonn il-youth workers biex iwettqu xogħol aktar professjonali.”

Kull min hu interessat li japplika għal dawn l-iskemi jista’ jidħol fuq: youth.gov.mt.

More in Socjali