Sejħa biex l-edukaturi u l-ġenituri jipparteċipaw fit-tfassil tal-Istrateġija għall-Edukazzjoni

L-istrateġija se tiffoka, fost affarjiet oħra, fuq edukazzjoni li tibda minn età bikrija 

Waqt konferenza tal-aħbarijiet tħabbar li beda t-tfassil u l-konsultazzjoni tal-Istrateġija għall-Edukazzjoni 2024-2030. L-istrateġija se tkun imfassla bis-sehem sħiħ u dirett ta’ dawk kollha li jiffurmaw parti mis-settur edukattiv, fosthom stakeholders kif ukoll ministeri oħrajn u fuq quddiem nett l-edukaturi.

“Mhux se nippreżentaw strateġija lesta quddiemkom, imma qed ngħidu li d-dokument se jibda jitfassal mill-qiegħ nett bis-sehem ta’ dawk kollha li huma s-sisien tas-settur edukattiv. Għalina l-edukaturi u r-rappreżentanti tagħhom huma msieħba importanti li għandhom il-futur ta’ wliedna għal qalbhom u għalhekk se jkollhom sehem importanti fit-tfassil ta’ din l-istrateġija”, spjega l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.

Il-Ministru Grima enfasizza li dan is-settur huwa wieħed dinamiku u jipprogressa biex jirrifletti l-bżonnijiet emerġenti f’dinja li dejjem tinbidel. Huwa kompla jenfasizza li l-Gvern jemmen li l-edukaturi għandu jkollhom rwol akbar ta’ policy-makers u għalhekk qed ikunu integrati aħjar fir-riċerka u fit-teħid tad-deċiżjonijiet. “Irridu nsaħħu d-djalogu mal-edukaturi minn oqsma differenti biex niddiskutu kwalunkwe bidla intiża biex ittejjeb is-sistema preżenti, kif wegħdna wkoll fil-manifest elettorali”,  temm jgħid il-Ministru Grima.

Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Matthew Vella spjega dwar x’mistenni li tkopri l-istrateġija l-ġdida. Huwa qal li din l-istrateġija se tkun imfassla b’diversi fatturi li se jinżammu fuq quddiem, fosthom li l-edukazzjoni tibda minn età bikrija, mit-twelid, u tkompli għaddejja tul il-ħajja. “Irridu naħsbu wkoll biex insaħħu dak kollu li kellna fl-istrateġija li tintemm din is-sena, imma nagħtu wkoll spazju aktar lill-benesseri ta’ wliedna u nenfasizzaw aktar l-inklużjoni”, qal is-Segretarju Permanenti. Huwa temm jgħid li din l-istrateġija se timxi wkoll id f’id mar-rekwiżiti tal-Unjoni Ewropea fil-qasam edukattiv.

Fit-tfassil tal-istrateġija l-ġdida se jkunu involuti wkoll il-ġenituri li se jingħataw l-opportunità biex iwasslu wkoll l-opinjonijiet tagħhom. Eventwalment id-dokument jitqiegħed ukoll għall-konsultazzjoni pubblika qabel ikun ippubblikat u implimentat.

More in Socjali