L-Assoċjazzjoni Maltija tad-Down Syndrome tellgħet attività fejn persuni bid-down syndrome mexxew kafetterija għal ġurnata. Din l-attività kienet miftuħa għall-pubbliku fejn dawn iż-żgħażagħ kellhom l-opportunità li jkomplu jintegraw fis-soċjetà u jħaddmu l-ħiliet tagħhom. Wara s-suċċess tal-ewwel edizzjoni, huwa pjanat li din l-attività tibqa’ ssir kull xahar.
Il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif attività bħal din tipprepara iżjed lil dawn il-persuni għad-dinja tax-xogħol kif hija eżempju ċar ta’ inklużjoni fil-prattika. Huwa tenna li, f”il-ħidma tal-Gvern tibqa’ dejjem ċentrali l-ġustizzja soċjali u li kull persuna twettaq il-ħolm tagħha f’pajjiżha.” Abela rringrazzja t-tmexxija tal-Assoċċjazzjoni “tal-ħidma imprezzabbli li qegħdin iwettqu ta’ kuljum.”
Din l-attività ttelgħet fl-uffiċini tal-Assoċjazzjoni Maltija tad-Down Syndrome, li għadhom kemm ġew rinnovati din is-sena, wara investiment li sar mill-Gvern b’ħidma mill-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur.