Is-Sibt 16 ta’ Settembru huwa l-Jum Dinji tat-Tindif, fejn għat-tielet darba ittellgħet edizzjoni ta’ attività ta' tindif f’dan il-jum ġewwa Għawdex.
Tul din it-tindifa, inġabru 131 borża ta' żibel minn 12-il lokalità differenti. Dan kollu kien possibbli bis-saħħa tal-parteċipazzjoni tal-membri tal-għaqda Nadur Nadif, li attendew bi ħġarhom.
Fi stqarrija maħruġa mill-għaqda, huma appellaw sabiex kulħadd ikun aktar konxju dwar l-ambjent ta’ madwaru. Jista’ jagħmel dan billi ma jagħmilx użu minn affarijiet li jintremew wara li jintużaw darba, kif ukoll li jarmi l-iskart kif suppost.
“Ejja nkunu s-soluzzjoni għall-konservazzjoni ta’ dawn is-siti, mhux il-problema,” temmet l-għaqda.