L-Awtorità tal-Ippjanar ħabbret il-pjanijiet tagħha sabiex tiġi ssalvagwardjata ż-żona ta’ Ħondoq ir-Rummien fil-Qala f'Għawdex, wara battalja twila ta’ 20 sena mmexxija mis-Sindku tal-Qala Paul Buttigieg u mill-attivisti ambjentalisti.
Iżda l-emendi aktarx se jtawlu d-dibattitu dwar il-futur ta’ Ħondoq wara li l-Awtorità tal-Ippjanar ħabbret li ż-żona ta’ Ħondoq ir-Rummien se tinqasam f’żewġ żoni; waħda b'politika ristrittiva u oħra li tippremetti xi tip ta’ żvilupp.
L-emendi se jiġu abbozzati biss wara konsultazzjoni pubblika fuq x’għandu jsir f’din iż-żona, fejn għal darb’ oħra tinfetaħ konsultazzjoni pubblika.
Fil-proposti tagħha, l-Awtorità qed tipproponi li kull żvilupp fiż-żona ta’ Ħondoq ikun projbit u fil-futur is-sit jintuża biss għal proġetti ta’ afforestazzjoni kif inhu previst fil-pjan lokali oriġinali li kien maħruġ għall-konsultazzjoni pubblika fl-2002. Dan huwa l-istess pjan lokali li nbidel fl-2006 biex jakkomoda żvilupp relatat mat-turisti inkluż marina fost oħrajn.
Dan għandu l-għan li jintlaħaq billi tiġi riveduta l-politika tal-pjan lokali 'GZ-Qala-4' b'mod li jipprojbixxi “kull forma ta' żvilupp fuq l-art, jalloka s-sit għall-afforestazzjoni u jipprovdi linji gwida ċari dwar x'tinvolvi din id-denominazzjoni f'termini ta' xogħlijiet u attivitajiet”.
Bħalissa il-politika tal-pjan lokali, li qed tiġi riveduta, tippermetti “bini ddisinjat b’mod sensittiv, ta’ kwalità għolja u ta’ densità baxxa li jingħaqad mal-pajsaġġ” fiż-żona tal-Ħondoq.
Din ir-reviżjoni proposta se tbiddel il-mappa hekk kif żoni ‘salvagwardati’ fil-Qala jinkludu pjanijiet fejn l-iżvilupp qed jiġi regolat mill-GZ-Qala-3 and GZ Qala-4. Barra minn hekk l-Awtorità tal-Ippjanar qed tipproponi qasma fiż-żona li tiġi regolata minn dawn il-politiki imsemmija.
Il-proposta se “tiddistingwixxi b’mod ċar” art ikkontrollata minn politika li tilqa’ aġenziji tal-Gvern sabiex “itejbu l-faċilitajiet tal-bajja” u li jistgħu jibnu faċilitajiet li ma jagħtux fil-għajn f’Ħondoq. Dan se jikkumplimenta ‘żvilupp turistiku sensittiv’ miż-żona rregolata mill-politika emendata fejn proġetti ta' afforestazzjoni biss jistgħu jkunu permessi.
Rigward l-għanjiet tar-riviżjoni attwali m’hemm l-ebda referenza għall-emendar tal-politika.
GZ-Qala-3 tisħaq li l-Awtorità se “tikkunsidra b’mod favorevoli proposti minn aġenziji pubbliċi, li għandhom l-approvazzjoni, kemm tal-Kunsill Lokali tal-Qala, kif ukoll tal-Gvern Ċentrali, biex jitjiebu l-faċilitajiet tal-bajja f’Ħondoq ir-Rummien.” Iżda l-istess politika tirreferi wkoll għaż-żona tal-barriera li tgħid li “l-użu preferut huwa li ż-żona tiġi żviluppata b’mod sensittiv” u li “it-turiżmu u l-iżvilupp relatat mal-baħar jistgħu jiġu kkunsidrati mill-Awtorità tal-Ippjanar f’din iż-żona soġġetti għal tisbiħ sensittiv".
L-emenda tfittex ukoll li temenda jew tħassar id-dispożizzjonijiet l-oħra kollha fil-Pjan Lokali ta' Għawdex u Kemmuna tal-2006 li huma meqjusa li jmorru kontra l-għanijiet ġenerali stabbiliti fil-pjan. Dan ifisser li l-pubbliku jista’ jitlob tibdil fil-GZ-Qala-3 biex tiġi evitata kull interpretazzjoni konfliġġenti tal-politiki.