Approvat il-proġett għall-flyover fl-Imsida
Proġett ġdid jinkludi pjazza quddiem il-Knisja, parkeġġ u postijiet ta’ rikreazzjoni ġie approvat mill-Awtoritá tal-Ippjanar
More in Socjali
Proġett ġdid jinkludi pjazza quddiem il-Knisja, parkeġġ u postijiet ta’ rikreazzjoni ġie approvat mill-Awtoritá tal-Ippjanar
L-Awtoritá tal-Ippjanar approvat il-proġett tal-Imsida Creek wara snin ta’ diskussjonijiet u ppjanar. Dan il-proġett se jinkludi bini ta’ flyover bil-għan li jieħu post il-junction tat-traffic lights u jsiru alternattivi oħra ta’ vjaġġar bħal ċikliżmu u mixi. L-Infrastruttura Malta ħasbet biex 60% ta’ dan il-proġett jiddedika żoni ġodda ta’ rikreazzjoni ta’ spazji pubbliċi kif ukoll se jinkludi xogħlijiet ta’ tisbiħ u ambjent pjaċevoli fiċ-ċentru ta’ din il-lokalitá.
Ser issir pjazza ta’ 2,200 metru kwadru quddiem il-Knisja, u kanal tal-ilma b’tul ta’ 300 metru maħdum b’tali mod li jinġabar l-ilma tax-xita u jiġu evitati għargħar u li jkun aċċessibbli għal kulħadd. Il-proġett jinkludi d-disinn u r-rikostruzzjoni tal-junction tat-traffic lights li tgħaqqad Triq il-Marina, Triq il-Wied tal-Imsida u Triq Mikiel Anton Vassalli, u t-tisħiħ ta’ numru ta’ junctions li jinsabu fl-inħawi u li jagħtu minn u lejn il-Gżira, Tas-Sliema u Ta’ Xbiex.
Dan huwa pjanat li jelimina l-ħin twil ta’ stennija fit-traffiku kif ukoll jitnaqqas l-impatt tat-traffiku minn fuq iż-żoni residenzjali, il-prominad u l-ispazji miftuħa. Fl-istess waqt se jelimina inċidenti milli jseħħu. Apparti dan, il-proġett se jgħin biex jitnaqqas it-tniġġiż fl-arja fl-inħawi tal-Imsida.
It-triq li testendi mill-parti Sa Maison fl-Imsida lejn ir-roundabout tal-Iskatepar f’Tal-Qroqq hija kruċjali għax tgħaqqad il-Belt u l-Port il-Kbir mar-reġjun tat-Tramuntana u n-Nofinshar tal-pajjiz. Għalhekk, bil-flyover il-ġdid se jkunu qed jgħaddu iktar minn 4,500 vettura mill-junction tal-Imsida Creek, minn u lejn il-Belt. Ser jitjieb is-servizz tat-trasport pubbliku u se jinbnew bankini wesgħin apposta għaċ-ċiklisti u għal min jimxi mad-dawra tax-xatt li eventwalment jgħaqqdu Tal-Pietá ma’ Ta’ Xbiex u Triq il-Wied tal-Imsida.
Barra minn hekk, parkeġġ mgħotti b’panelli solari ta’ 115 spazju se jiġi żviluppat u il-ġnien u ż-żoni mħaddra ser jkunu mifruxa fuq mhedda ta’ 5,500 metru kwadru.