Permezz ta' ftehim settorali ġdid li ġie ffirmat bejn il-Gvern u r-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-Korp, se jgawdu minnu madwar elfejn membru tal-Korp tal-Pulizija.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-investiment fl-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija huwa “investiment dirett fil-ħaddiema ta’ fejda, ta’ servizz u protagonisti fil-ġid komuni”.
Dan il-ftehim li ġie ffirmat fil-preżenza tal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri u s-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana, ifisser “żidiet fil-pagi u allowances fost benefiċċji oħra bħal progress iżjed mgħaġġel fl-iskali”. Kif ukoll uffiċjali se “jkunu koperti bi protezzjoni legali b’rabta ma’ ħidmiethom”.
Abela rrimarka li l-Gvern irid jibqa’ jinvesti fil-Korp tal-Pulizija sabiex tinżamm l-ordni fil-komunità.
Il-Police Officers Union fi ħdan il-General Workers’ Union (POU-GWU) u l-Malta Police Union (MPU), laqgħu b’sodisfazzjon il-ftehim settorali.
Il-POU-GWU saħqet li l-ftehim huwa wieħed pożittiv għaliex jirrikonoxxi l-Korp tal-Pulizija bħala pilastru kruċjali favur iż-żamma tal-ordni u jibni fuq ta’ qablu billi jitjiebu l-pagi u l-kundizzjonijiet tal-uffiċjali kollha.
Min-naħa l-oħra, l-MPU qalet li dan il-ftehim se jsaħħaħ l-kundizzjonijiet preżenti u se joffri bażi soda għall-futur.