L-ilsien Malti

Saret intervista ma' Thomas Pace u Keith Attard fejn qasmu magħna spunti interessanti ta' informazzjoni u anke taw xi għarfien fuq l-istorja lingwistika tal-ilsien Malti

 

Insibu diversi djaletti fil-gżejjer Maltin. Pace, qal li djalett huwa varjetà tal-lingwa marbuta ma’ reġjun jew lokalità partikolari. Qalb il-gżejjer Maltin insibu bosta djaletti bħal fosthom in-Naduri, il-Mosti, iż-Żurrieqi, is-Sannati u l-Qormi.  

Id-djalett ma jirreferix biss għad-differenza fil-pronunzja u  tlissin ta’ ċertu kliem, ngħidu aħna il-kelma ‘raġel’, bin-Naduri tingħad ‘ruġul’ u biż-Żejtuni tingħad ‘ruġel’. Iżda, djalett fih differenzi fil-grammattika u l-vokabularju wkoll. Id-differenzi fost id-djaletti mhumiex biss fil-vokali imma anke fil-konsonanti. Hawnhekk Pace jirreferi għad-djalett tax-Xewkija, fejn il-konsonanta ‘q’ ħafna jlissnuha ‘k’, bħal ‘kuddies’ (quddies) u ‘trik’ (triq). Hemm djaletti oħra li jlissnu l-akka u l-għajn li storikament kienet ir-rgħajn, bħal ‘daħri’ (dahri) u ‘deħeb’ (deheb).  

Pace jgħid li l-plurali ta’ ċertu kliem ivarja bejn gżira u oħra, eżempju il-plural ta’ karozzi u torta huwa ‘karozzi’ u ‘torti’ imma fid-djaletti Għawdxin il-plural huwa ‘kroroz’ u ‘torot’. Il-ġens ta’ nomi wkoll huwa differenti; għall-Għawdxin ‘biro’ huwa maskili (biro iswed) mentri għall-Maltin huwa femminili (biro sewda). In-naħa ta’ fuq ta’ Malta; il-Mellieħa, il-Manikata u Għawdex; il-komparattiv ta’ ‘aktar/iżjed baxx’ huwa ‘ibxex/ibaxx’ (eż, l-għatba ibxex mill-oħra).

Pace spjega li minn punt lessikali nsibu kliem differenti li jirreferu għall-istess oġġett. Bħal pereżempju, l-antiporta tissejjaħ ‘boxxla’ f’ċertu rħula. It-tajra, ġugarell li intajjru fis-sema, hemm min isejħilha ‘manuċċa’ u lokalitajiet oħra jgħidulha ‘fjamma’ jew ‘ħamiema’.  


Kif żviluppa l-ilsien Malti? Qabel kien magħruf bħala l-ilsien tal-ħaddiem. Maż-żmien, kif spiċċa bħala lingwa nazzjonali? 

Keith Attard: L-ilsien Malti għandu storja twila ħafna. Ilu mitkellem għal ħafna snin, grazzi għall-bosta ħakmiet li kkolonizzaw lil pajjiżna. L-aktar ħakmiet li influwenzaw il-Malti huma l-Għarab, in-Normanni, il-Kavallieri ta’ San Ġwann, u l-Ingliżi. Mingħandhom ħadna l-influwenza Semitika, Rumanza u Ingliża.  

L-aktar kliem bażiku tal-lingwa ħadnieh mill-Għarbi, iżda kliem aktar sofistikat ħadnieh mit-Taljan u mill-Ingliż. Jekk nieħdu pereżempju l-qasam tal-ikel u x-xorb, se naraw li kliem bħal ilma u ħobż ġej mill-Għarbi – għax huwa bażiku – kliem bħal minestra u froġa ġej mit-Taljan, waqt li kliem bħal smoothie u wrap ġej mill-Ingliż. Il-lingwa Maltija hija bħal cocktail li xorbot minn għejun differenti u għalhekk nistgħu ngħidu li l-Malti hu lsien imħallat li kellu bżonn ħafna snin biex jiżviluppa. Kif nistgħu nimmaġinaw, il-Malti għadu jinbidel kuljum, bi kliem li sfortunatament jinqata’ jew ma jibqax daqshekk popolari, iżda wkoll jiftaħ idu għal kliem ġdid, l-aktar mill-Ingliż, ġaladarba jħoss il-bżonn li għandu jagħmel dan. Dan il-fenomenu huwa vitali biex il-Malti jibqa’ ħaj, aġġornat u ma jistaġnax, iżda basta jagħmel dan b’kawtela u b’moderazzjoni.  

F’kuntrast mal-Ingliż, il-Malti ma jafx id-data ta’ meta twieled. Nafu żgur li kien ġa twieled fl-1364 għax insibu dokumentazzjoni li kien hemm xi patrijiet fl-Italja li xtaqu jiġu Malta iżda ma setgħux għax ma kinux jafu jitkellmu l-Malti. Dan jimplika li l-Malti kien diġà jeżisti għax la ma kinux kapaċi jitkellmu l-Malti sinjal li l-Malti kien diġà jeżisti! 

Għalkemm hawn Malta, il-Malti għal ħafna snin kien fid-dell tat-Taljan u l-Ingliż, il-Maltin komuni dejjem kienu jitħaddtu bil-Malti, iżda fil-Qrati, fil-knejjes, fil-palazzi, u f’istituzzjonijiet formali, il-lingwi dominanti kienu t-Taljan u l-Ingliż. Il-Malti kien meqjus bħala l-lingwa tal-kċina, jiġifieri l-lingwa li mhix ta’ valur u ma tgawdix mir-rispett li jistħoqqilha. Tant kemm hawn Malta l-Malti ma kienx stmat, li fil-Kwistjoni tal-Lingwa, iż-żewġ lingwi li kienu se jitqiesu bħala ż-żewġ lingwi uffiċjali tal-pajjiż kienu se jkunu t-Taljan u l-Ingliż, iżda grazzi għal niesna li ġġieldu għalina, il-Malti fl-1934 spiċċa l-lingwa uffiċjali ta’ Malta flimkien mal-Ingliż. Imbagħad fl-1964, il-Malti kompla jistagħna billi ħa l-istatus ta’ lsien nazzjonali. Illum ukoll il-Malti huwa ilsien uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Araw daqsxejn kemm il-lingwa tagħna żviluppat matul is-snin! 

Thomas Pace:L-ilsien Malti għandu storja twila mitkellem biss fuq livell popolari bħala l-ilsien tan-nies maħkuma. Fuq livell uffiċjali miktub, l-ilsien tal-ħakkiema ma kienx il-Malti imma t-Taljan, u aktar tard l-Ingliż, mal-ħakma tal-Ingliżi. Il-Malti standard li nafu llum xi darba kien forma djalettali mitkellma. Li jkollok lingwa standard tgħin fl-użu u t-tixrid tagħha fil-pubbliku għaliex il-kelliema tagħha jkollhom moħħhom mistrieħ li f'livell formali u uffiċjali jħaddmu forma waħda ta' kitba. 

Sal-1921, il-Malti kien għad m'għandux alfabett standard u ma setax jinkiteb b'mod konsistenti. Fl-1924 ġew stabbiliti r-regoli tal-kitba tiegħu mill-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti, illum magħrufa bħala l-Akkademja tal-Malti. 

Kellhom jgħaddu 10 snin, fl-1934, biex il-Malti jsir ilsien uffiċjali ta' Malta mal-Ingliż (l-ilsien tal-imperu) u mat-Taljan (l-ilsien tal-qrati). Fil-Kostituzzjoni ta' sentejn wara, l-ilsna uffiċjali li bdew jiġu rikonoxxuti uffiċjalment kienu l-Ingliż u l-Malti. Ladarba l-Malti tfassallu alfabett standard u ġie kodifikat bir-regoli tal-ortografija u l-grammatika, seta' jibda jitħaddem fil-ħajja pubblika u jintuża aktar fil-pubblikazzjonijiet u l-letteratura. Is-sena d-dieħla niċċelebraw il-mitt sena minn dan l-avveniment. 

Mal-kisba tal-indipendenza, fil-21 ta' Settembru 1964, il-Malti beda jkun magħruf bħala l-ilsien nazzjonali ta' Malta għaliex huwa l-aktar ilsien li ilu mħaddem mill-Maltin f'Malta u li jiddistingwina minn popli oħra. Illum il-Malti hu wkoll ilsien uffiċjali ta' Malta mal-Ingliż u l-Lingwa tas-Sinjali Maltija, u wieħed mill-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. 

Hemm il-lingwa standard u dik djalettali – tispjegali kif fuq gżira tant żgħira nsibu daqstant verżjonijiet tal-lingwa?

Keith Attard: Bħal f’ħafna pajjiżi oħra, il-Malti għandu dik il-lingwa li tissejjaħ l-istandard u l-varjanti tagħha li jissejħu djalett. Il-Malti standard huwa l-varjetà li tipikament tintuża fil-pubbliku, fl-amministrazzjoni, fl-edukazzjoni, fil-mezzi tax-xandir, u l-bqija, u li għandha dizzjunarju, grammatika, letteratura, u ortografija stabbilita. Min-naħa l-oħra, f’kuntesti informali mbagħad insibu d-djalett, li huwa varjant tal-lingwa standard u jintuża l-aktar bejn membri tal-familja, mal-ħbieb jew membri tal-istess raħal/komunità. Mikiel Anton Vassalli, meqjus bħala Missier l-Ilsien Malti, qasam id-djaletti f’ħamsa: id-djalett tal-bliet, id-djalett tan-naħa ta’ fuq, id-djalett tan-naħa t’isfel, id-djalett taċ-ċentru ta’ Malta, u d-djalett ta’ Għawdex. Tajjeb li wieħed jinnota li fil-kuntest lokali m’għandniex biss aċċenti, jiġifieri varjetajiet lingwistiċi li jvarjaw fuq livell fonetiku u fonoloġiku biss – jiġifieri fuq il-ħsejjes tal-kelma – iżda għandna djaletti, jiġifieri varjetajiet lingwistiċi li jvarjaw fuq il-livelli kollha tal-analiżi lingwistika. Ngħidu aħna fuq livell morfoloġiku – jiġifieri l-istudju tal-forom u kif jinbnew il-kliem – pereżempju f’Għawdex tisma’ l-plural kroroz u fl-istandard tisma’ karozzi, fuq livell sintattiku – jiġifieri l-mod ta’ kif tinbena s-sentenza – pereżempju l-binja tal-progressiv fin-negattiv ma qedx jiekol fl-Imġarri u mhux qed jiekol fl-Istandard, u fuq livell lessikali – jiġifieri tal-kliem – pereżempju f’Għawdex tisma’ lil min jgħid għakruxu, u fl-Istandard tgħid bebbuxu

X’inhi r-relazzjoni bejn il-Malti u l-Ingliż f’Malta?  U x’inhi r-relazzjoni bejn il-Malti u lingwi oħra? 

Keith Attard: Kif għedt qabel, il-Malti u l-Ingliż huma ż-żewġ lingwi uffiċjali ta’ Malta. Għandna x-xorti qawwija li Malta huwa pajjiż bilingwi, jiġifieri jaf iħaddem sew il-Malti u l-Ingliż. Pajjiżi kbar oħra li mhumiex bilingwi jixxennqu biex bħalna jkunu jafu sew ukoll l-Ingliż u jispiċċaw jitgħallmuh bħala lingwa barranija jew jiġu Malta biex jitgħallmu u jipprattikaw l-Ingliż. Għalhekk, la għandna dan il-lussu, ma rridux indaħħlu rasna fir-ramel u nagħżlu l-Malti biss għax se nkunu żvantaġġati, f’dinja fejn nafu kemm l-Ingliż huwa universali. Min-naħa l-oħra, jekk għandna żewġ teżori, m’għandniex inwarrbu t-teżor l-ieħor u nagħżlu li niffukaw biss fuq l-Ingliż u nwarrbu l-Malti. Nikkwota kliem Dun Karm Psaila mill-poeżija “Għaliex? Jedd il-Lsien Malti” meta jgħid li m’għandniex inwarrbu lsienna biex niffukaw fuq lingwi oħra: “Ħobb jekk jiswewlek l-ilsna barranin / iżda le tbarri lil min hu ta’ ġewwa.” Li wieħed ikun jaf lingwi barranin huwa ta’ fejda għalih għaliex jista’ jkollu aktar opportunitajiet akbar ta’ xogħol u jkun jista’ jikkomunika aħjar meta jsiefer. Il-Malti u l-lingwi barranin jistgħu jintrabtu flimkien u jagħtuk il-ħobża ta’ kuljum, ngħidu aħna jekk inti traduttur, interpretu, għalliem jew gwida.   

Thomas Pace: Bħala Kunsill aħna naħdmu ħafna biex il-Malti, qabelxejn, jintuża mal-Ingliż. Dawn iż-żewġ lingwi mhumiex f'kompetizzjoni imma għandna nużawhom flimkien. Il-Malti hu l-ilsien li jaqdina f'artna stess u l-Ingliż jgħaqqadna mal-bqija tad-dinja li aħna parti minnha. La għandna żewġ ilsna uffiċjali li aħna kburin bihom, għandna naraw li nużawhom konsistentement fil-materjal pubbliku li noħorġu u nagħmlu, bħat-tabelli u l-fuljetti. 

Irridu ngħinu lill-impjegati barranin f'pajjiżna biex jitgħallmu l-Malti. L-impjegaturi tagħhom għandhom ikunu aktar sensittivi biex jgħaddulhom il-Malti bażiku ħalli jkunu jistgħu jikkomunikaw aħjar mal-klijenti tagħhom. 

Taħseb li l-lingwa Maltija għad tintilef? Il-Malti huwa mhedded? 

Keith Attard: Matul is-snin tisma’ ħafna għajdut li l-Malti għad jintilef iżda jien din ma nemminhiex. Ma ntilifx meta matul iż-żmien l-istatus tal-Malti kien ħafna inqas inferjuri mil-lum, ngħid jien, se jintilef illum?! Huwa fundamentali li nibqgħu nħaddmuh sew u ngħadduh lil ta’ warajna bl-aħjar mod possibbli biex b’hekk jibqa’ jgawdi mir-rispett li jistħoqqlu.  

Bħala għalliem tal-Malti u ċittadin Malti nħoss għafsa ta’ qalb nara l-idjoma Maltija titbiċċer minn ħutna stress, saħansitra minn xandara u ġurnalisti Maltin li għandhom rwol importanti ħafna f’xogħolhom. Agħar minn hekk hija wkoll stallett meta tisma’ lit-tfal Maltin jitkellmu kontinwament bl-Ingliż u jittellgħu barranin f’arthom stess. Dan, iva, hu theddid għal-lingwa tagħna imma dment li l-maġġoranza tibqa’ tħaddem il-Malti fit-taħdit, il-Malti jibqa’ ħaj. Hawn min jgħid ukoll li l-ammont ta’ barranin li qed jiġu jgħixu f’pajjiżna wkoll jista’ jkun theddida għall-Malti. Biex negħlbu dawn l-ostakli, importanti li nibnu ambjent fejn iħossuhom komdi biżżejjed biex jitkellmu l-Malti. Ngħinuhom iva, imma mhux nakkomodawhom f’kollox. La qed jgħixu Malta, xi forma ta’ Malti bażiku jridu jkunu jafu. Wara kollox, jekk jien immur ngħix l-Italja jew Franza, dawn lili ma jakkomodawnix u allura jridu jagħmlu ħilithom biex jitgħallmu l-Malti huma wkoll. Importanti wkoll li l-Malti jkun aktar viżibbli u jkollu aktar riżorsi online għal min irid jużaw. Ċekkjatur tal-Malti jiswa mitqlu deheb; dizzjunarju aġġornat ukoll … għalhekk tajjeb ngħidu li l-Gvern għandu jgħin kemm jista’ jkun lill-Kunsill mingħajr ma jipprova jxekkillu l-ħidma tiegħu; ħaġa li bħalissa sfortunatament hija realtà qawwija minħabba l-kwistjoni li l-Kunsill għandu mal-Ministru fuq il-kwistjoni taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti.   

Thomas Pace: Il-futur ta' lsienna qiegħed f'idejn il-ġenituri u n-nanniet. Importanti ħafna li jkellmu lil uliedhom u lin-neputijiet tagħhom bil-Malti wkoll ħalli l-Malti jkun għalihom ukoll lingwa naturali daqskemm hu għalina. It-tfal imdawrin ħafna bl-Ingliż - mill-internet sal-iskola - u għalhekk huwa kruċjali li l-Malti jitħaddem fid-djar tagħna f'sitwazzjonijiet differenti. 

X’inhu jseħħ min-naħa tal-Kunsill tal-Malti biex tiġi ppreservata l-lingwa? 

Keith Attard: Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti jagħmel ħafna xogħol fis-skiet biex jippreserva l-lingwa tagħna. Jorganizza sensiela ta’ korsijiet lil diversi entitajiet u individwi biex jaġġornahom jew jgħallimhom affarijiet ġodda. Wieħed mill-akbar korsijiet annwali li jorganizzaw huwa l-Kors tal-Qari tal-Provi fil-Malti, li hu miftuħ għal kulħadd b’mod speċjali għal min irid ikun qarrej tal-provi kkwalifikat fil-Malti. Il-Kunsill tal-Malti, bi sħab mad-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu, jorganizza sensiela oħra ta’ korsijiet volontarji għall-għalliema u l-LSEs tal-primarja u s-sekondarja, għall-KGAs, għall-ġenituri u n-nanniet, u għall-pubbliku. Jorganizza wkoll korsijiet għall-barranin, u għall-impjegati tas-Servizz Pubbliku. Jieħu ħsieb ukoll biex minn żmien għal żmien jagħmel korsijiet ta’ aġġornamenti.  

Thomas Pace: Nagħtu sehemna wkoll biex niżviluppaw it-terminoloġija bil-Malti ta' oqsma differenti. Ħdimna fuq it-termini tal-ġeografija u għadna kemm nedejna d-dizzjunarju speċjalizzat tal-ekonomija mad-Dipartiment tal-Malti u l-Prof. Lino Briguglio mid-Dipartiment tal-Ekonomija fl-Università ta' Malta. 

Qed nikkollaboraw ukoll mad-Dipartiment tal-Malti fl-Università biex norganizzaw il-Kors fil-Qari tal-Provi bil-Malti (MQF 5) u korsijiet professjonali interni qosra ħalli aktar impjegati tas-servizz pubbliku u s-servizz privat iħossuhom kunfidenti jużaw il-Malti fil-post tax-xogħol tagħhom. Nemmnu ħafna li rridu nkomplu nżidu l-kuxjenza u t-taħriġ. 

More in Socjali