Il-President ta’ Malta George Vella xeħet dawl fuq is-settur tat-turiżmu f’Malta waqt il-Mediterranean Tourism Gala Awards 2023 organizzati mill-Mediterranean Tourism Foundation.
Vella feraħ lir-rebbieħa kollha tal-Mediterranean Tourism Gala Awards ta’ din is-sena għall-kontribut tagħhom fil-promozzjoni ta’ turiżmu sostenibbli u reżiljenti fil-Mediterran.
Fid-diskors tiegħu, Vella rrimarka li l-potenzjal li t-turiżmu jkun forza li tista’ timbotta l-iżvilupp tal-bniedem kif ukoll il-progress soċjali u ekonomiku fil-Mediterran, jibqa’ sostanzjali, u dan jiddependi kollu minn kif nimmaniġġjawh.
Vella laqa’ t-tema tal-Forum tat-Turiżmu fil-Mediterran ta’ din is-sena li jiffoka fuq ‘Mediterranean Life’, “L-attività tat-turiżmu ddur madwar l-esperjenza ġenwina u t-tgawdija tal-ambjent naturali ta’ kull destinazzjoni, inklużi l-attrazzjonijiet naturali bħall-baħar, ix-xemx, il-foresti, il-muntanji, id-deżerti u t-tradizzjonijiet differenti kollha, l-ikel, il-folklor, u l-kultura b’mod ġenerali” saħaq Vella.
Vella qal li l-Mediterran kien u jibqa’ arena ta’ bl-aktar attività fid-dinja u li għandu effett qawwi ħafna fuq l-affarijiet internazzjonali.
“It-turiżmu għad għandu rwol prinċipali fl-iżvilupp tar-reġjun tal-Mediterran, billi jipprovdi opportunitajiet ta’ impjieg, u għalhekk isostni l-għajxien ta’ miljuni ta’ nies minn madwar ir-reġjun,” stqarr Vella.
Vella qal li t-turiżmu fil-Mediterran għadu sal-lum il-ġurnata xprun qawwi li jista’ jgħinna negħlbu d-diversi sfidi li qegħdin niffaċċjaw u “nemmen bis-sħiħ fil-ħtieġa li nibdlu n-narrattiva dwar il-Mediterran,” filwaqt li appella biex niffokaw aktar fuq l-iskambji vibranti bejn il-popli.