Dr Lydia Abela, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg u l-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Samantha Pace Gasan nidew kampanja ta’ 16-il jum ta’ attiviżmu b’kuxjenza dwar il-vjolenza domestika. Bit-tema “Beat The Silence”, f’dawn il-jiem se jkompli jitwassal messaġġ favur li jingħeleb is-silenzju li jbatu fih il-vittmi ta’ vjolenza domestika u jkompli jingħata għarfien marbut mas-suġġett.
Abela saħqet li l-għarfien fuq il-vjolenza domestika jibqa’ dejjem important u għandu jitwassal messaġ sod biex tiżdied il-kuxjenza fuq is-suġġett. Xi ħadd jitlob għal għajnuna mhuwiex att’ dgħufija u rridu jittieħdu l-passi meħtieġa biex jiġu indirizzati r-realtajiet ta’ vjolenza domestika.
“Il-bidliet u r-riformi li kontinwament qed jiġu mbuttati jibqgħu l-aqwa għodda biex nikkumbattu l-vjolenza domestika,” sostniet Abela hekk kif sellmet lil vittmi ta’ vjolenza domestika u lill-professjonisti u ħaddiema li jaħdmu mal-vittmi.
Min-naħa tagħha, Buttigieg saħqet li t-tema ta’ din is-sena hija sejħa mill-qalb sabiex persuni li qed jesperjenzaw il-vjolenza kemm abbażi tal-ġeneru kif ukoll dik domestika jfittxu l-għajnuna professjonali.
Żiedet tgħid li din il-kampanja ta’ 16-il jum la hija l-bidu u lanqas it-tmiem tal-ħidma li rridu nagħmlu kemm bħala Gvern kif ukoll bħala soċjetà, biex niġġieldu l-vjolenza domestika.
Pace Gasan qalet li matul il-kampanja, il-Kummissjoni flimkien ma’ diversi Ministeri, għaqdiet, entitajiet u organizzazzjonijiet, fasslet programm miżgħud b’inizjattivi u attivitajiet b’għan li jitqajjem għarfien dwar il-kumplessità tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika filwaqt li permezz ta’ attiviżmu kollettiv, nies li qed jesperjenzaw il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika jiġu mħeġġa jegħlbu s-silenzju u jfittxu l-għajnuna.
Pace Gasan spjegat li ser ikunu organizzati diversi inizjattivi li jolqtu gruppi soċjali varji, inkluż l-anzjani, it-tfal, komunitajiet f’pajjiżna, sportivi u ħaddiema minn diversi setturi.