Tqabbil mas-sena 2022
Skont data maħruġa mill-Uffiċċju tal-Istatistika Nazzjonali (NSO), l-Indiċi tal-Prezzijiet tal-Produtturi Industrijali telaʼ bi 2.2% fl-2023.
Meta mqabbel ma’ Ottubru tal-2022, iż-żiedet fil-prezzijiet kienu rreġistrati l-iktar fl-oġġetti ta’ konsum 5.1%, fl-oġġetti kapitali 4.0% u fl-oġġetti intermedji 0.2%.
Skont l-istatistika ma ġitx irrekordjata żieda fil-prezzijiet fil-qasam tal-enerġija.
Min-naħa l-oħra, il-prezzijiet tal-produtturi industrijali għas-suq domestiku żdiedu bʼ0.4%. Żidiet fil-prezz dehru fl-oġġetti kapitali (2.6%) u fl-oġġetti tal-konsum (2.1%). L-oġġetti intermedji naqsu bi 2.0%.
Il-prezzijiet mhux domestiċi żdiedu bi 3.4%.
Hawnhekk, il-prezzijiet tal-oġġetti maħsuba għaż-Żona tal-Ewro telgħu bʼ4.7%, filwaqt li taʼ dawk maħsuba għaż-Żona mhux tal-Ewro telgħu bi 2.7%.
Tqabbil max–xahar taʼ Settembru 2023
FʼOttubru tal-2023, l-Indiċi tal-Prezzijiet tal-Produtturi Industrijali telaʼ bʼ0.4% meta mqabbel maʼ Settembru tal-2023.
L-oġġetti intermedji u l-oġġetti tal-konsum telgħu bʼ0.8% u bʼ0.2%, rispettivament.
Bejn Settembru u Ottubru tal-2023 ma kienx hemm tibdil fil-prezzijiet tal-oqsma tal-enerġija u tal-oġġetti kapitali.
Il-prezzijiet tas-suq domestiku naqsu bʼ0.1% minħabba tnaqqis fl-oġġetti tal-konsum. Filwaqt, li ma kienx hemm tibdil fil-prezzijiet tal-oġġetti intermedji, tal-enerġija u tal-oġġetti kapitali.
Il-prezzijiet tas-swieq mhux domestiċi żdiedu bʼ0.7% u dawk tal-oġġetti maħsuba għaż-Żona mhux tal-Ewro żdiedu bʼ0.9% , filwaqt li taʼ dawk maħsuba għaż-Żona tal-Ewro żdiedu bʼ0.3%.