Ġie mniedi rapport, li sar mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabilità (CRPD), wara li tlesta studju ġdid li jiffoka fuq id-deistituzzjonalizzazzjoni tal-persuni b’diżabilità. Dan ir-rapport għandu bħala wieħed mill-miri tiegħu li jipprovdi bażi għall-istrateġija nazzjonali tad-deistituzzjonalizzazzjoni.
Malta hija impenjata li tindirizza d-deistituzzjonalizzazzjoni tal-persuni b’diżabilità permezz tal-formulazzjoni ta’ Strateġija Nazzjonali ta’ Deistituzzjonalizzazzjoni u biex tipprovdi u tikkoordina servizzi bbażati fil-komunità, fost azzjonijiet oħra.
Ir-rapport ġie mniedi waqt il-konferenza nazzjonali tas-CRPD li issir kull sena b’rabta mal-Jum Dinji tal-Persuni b’Diżabilità, li juri s-servizzi li joffru assistenza meħtieġa għal persuni b’diżabilità biex jgħixu b’mod independenti.
Ir-rapport jinkludi numru ta’ intervisti ma’ persuni b’diżabilità li jgħixu f’istituzzjonijiet kif ukoll oħrajn li jgħixu fil-komunità, ma’ service providers, professjonisti u partijiet interessati oħra mis-settur tad-diżabilità.
Il-Kummissarju tas-CRPD Rhoda Garland qalet li dan l-istudju jipprovdi bażi tajba għall-istrateġija dwar id-deistituzzjonalizzazzjoni.
Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli spjegat li dan l-istudju u riċerka waslu fi żmien importanti hekk kif il-Gvern qed jaħdem fuq ir-riforma tal-assistent personali. Filwaqt li temmet tgħid li l-ġimgħa li għaddiet rat 30 sottomissjoni differenti, fosthom minn għaqdiet li jaħdmu direttament fis-settur tad-diżabbiltà.
Is-CRPD ġiet assenjata l-irwol ta’ monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Diżabilità. Għalhekk il-Kummissjoni taħdem biex id-deistituzzjonalizzazzjoni issir dejjem aktar ta’ prijorità fis-settur tad-diżabilità.