Il-kumpanija Malta Dairy Products Ltd. qed tħabbar li, b’effett mill-Ġimgħa 22 ta’ Diċembru, 2023, se jkun hemm aġġustament fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ħalib frisk tagħha biex jirriflettu ż-żidiet sinifikanti fl-ispejjeż tal-produzzjoni u tal-operat.
L-aġġustament fil-prezzijiet tal-ħalib frisk se jkun kif ġej:
Prodott Prezz Kurrenti Rakkomandat għall-Konsumatur Prezz Ġdid Rakkomandat għall-Konsumatur
Ħalib Sħiħ 1L €1.00 €1.15
Ħalib b’2.5% xaħam 1L €1.00 €1.15
Ħalib Xkumat 1L €1.00 €1.15
Ħalib Mingħajr Lattożju 1L €1.25 €1.40
Ħalib b’2.5% xaħam ½ L €0.58 €0.66
Ħalib Xkumat ½ L €0.58 €0.66
Ħalib Mingħajr Lattożju ½ L €0.70 €0.77
Il-Kumpanija saħqet li dan l-impenn sar fost l-isfidi maħluqa minn ċaqliq ekonomiku, peress li l-kumpanija assorbiet l-ispejjeż dejjem jikbru biex tevita l-impatt dirett tagħhom fuq il-prezz tal-bejgħ.
Madankollu, minkejja l-implimentazzjoni ta’ diversi miżuri li jnaqqsu l-ispejjeż, bħas-simplifikazzjoni tal-operat u l-ottimizzazzjoni tal-proċessi tal-produzzjoni, iż-żieda sinifikanti fl-ispejjeż tax-xiri ma ġewx ikkumpensati għal kollox.
Il-kumpanija kompliet tgħid li għaldaqstant, wara konsiderazzjoni bir-reqqa, Malta Dairy Products sabet li huwa imperattiv li taġġusta l-prezzijiet kif xieraq biex taħseb għas-sostenibbiltà tal-Kumpanija filwaqt li tiżgura futur favorevoli għar-raħħala lokali u l-ħaddiema tagħha.
Kelliem għall-kumpanija qal li "Filwaqt li qatt mhi deċiżjoni faċli li naġġustaw il-prezzijiet, saret essenzjali għalina li nżommu l-kompetittività u nsostnu l-istandards ta’ kwalità li l-klijenti tagħna jesiġu. Aħna sinċerament napprezzaw il-fehim u l-lealtà kontinwa tal-klijenti tagħna matul din it-tranżizzjoni. L-appoġġ tagħhom huwa imprezzabbli hekk kif qed naffrontaw dawn l-isfidi iebsa."
* Malta Dairy Products Ltd tirrakkomanda prezz tal-konsumatur għall-prodotti kollha tagħha. Huwa f'idejn kull ħanut individwali li jiddeċiedi dwar il-prezz finali tal-bejgħ tal-prodotti tiegħu.