Fil-Qrendi ġie inawgurat proġett ta' akkomodazzjoni b’investiment ta’ €1.5 miljun.
Il-familji li se jkunu qegħdin joqgħodu f’din l-akkomodazzjoni se jgħaddu minn proċess tal-applikazzjoni u verifiki u skont l-istrateġija ta' allokazzjoni li ġiet imnedija fl-2021.
Dan il-proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali, li se jilqa’ fih 11-il familja u jikkonsisti wkoll f’7 garaxxijiet, se jkun imsemmi għall-mibki Joe Bartolo, attivist li ħadem qatigħ fis-settur tal-akkomodazzjoni.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes, awgura dan il-proġett soċjali li huwa parti mill-ħidma kontinwa li qed jwettaq il-gvern f’dan il-qasam.
Galdes semma kif dan il-proġett se jingħaqad mal-erba’ proġetti oħra li kienu inawgurati matul din is-sena. “Il-ftuħ ta’ erba’ proġetti ta’ akkomodazzjoni soċjali fissru li, fl-2023, 64 familja li ma setgħux jaċċessaw is-suq tal-proprjetà bdew jibnu l-futur tagħhom taħt saqaf diċenti u dinjituż.” Il-Ministru temm jgħid li fl-ewwel kwart tas-sena l-ġdida se jkunu qed jinfetħu aktar proġetti biex jibdew jilqgħu fihom aktar familji.