Niftakru u nsellmu lil dawk li ħallewna fis-sena 2023
Fis-sena 2023 sellimna l-memorja ta' bosta Maltin li ħallew isimhom imnaqqxa fosthom Silvio Parnis, Edwin Grech, Ann Agius Ferrante u oħrajn
minn Elaine Camilleri
Silvio Parnis kien eks membru parlamentari Laburista li miet fit-3 ta’ Jannar fl-etá ta’ 57 sena. Huwa kien is-sindku ta’ Paola u anke ħadem fil-qasam tal-anzjanità. Parnis kien elett għall-ewwel darba fl-1998, u kien kiseb popolarità politika fir-raba’ distrett. F’Jannar 2021 kien ħabbar li mhux se jerġa’ joħroġ għall-politika u sa Ġunju 2022, kien qatta’ ħinu jippreżenta programm televiżiv ma’ martu.
Victor Grech kien attur magħruf, l-iktar fuq it-televiżjoni u r-radjo. Huwa miet fit-18 ta’ Jannar fl-età ta’ 96. L-ewwel darba li deher fuq it-televiżjoni kien fl-1946 u ħadem f’uħud mill-aqwa produzzjonijiet Maltin, fosthom ‘Kristu fl-Iżbarra’, ‘Dejjem Tiegħek’ u ‘Ipokriti’.
Edwin Grech kien eks ministru Laburista u miet fil-15 ta’ Marzu fl-età ta’ 94 sena. Edwin kien missier Karin Grech, it-tifla li ġarrbet mewta traġika fl-1977 meta fetħet ittra indirizzata lil missiera. Edwin kien serva taħt il-gvern ta’ Sant bħala ministru għall-politika soċjali.
Ann Agius Ferrante kienet l-ewwel mara li ġiet eletta fil-parlament f’isem il-Partit Nazzjonalista mietet fis-6 ta’ April, fl-età ta’ 97 sena. Ann kienet ġiet eletta fl-1980 f’elezzjoni każwali wara l-mewt tal-eks Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier.
Raymond Mahoney kien awtur, poeta u liriku rinomat, li ħalla d-dinja fis-26 ta’ Lulju, fl-età ta’ 74 sena. Huwa beda l-karriera bħala ġurnalist mal-Union Press u eventwalment rebaħ premju għall-aqwa liriku fl-1983 meta kiteb l-opera rock ‘Ġensna’. Huwa kiteb ukoll novelli bħal ‘Susanna’ (1989) u l-lirika tiegħu kienet anke waslet fuq palk fil-Eurovision fl-1991, u fl-1992.
Joe N. Tabone, eks Ċermen tal-AirMalta u Bank of Valletta (BOV), miet fis-16 ta’ Awissu fl-età ta’ 92 sena. Tabone kien accountant u ħadem ma’ Redifussion fis-60ijiet. Fl-1987 laħaq ċerman tal-BOV u fl-1992 mexa għall-AirMalta fejn kien xtara seba’ inġenji tal-ajru bil-ġett u saħansitra waqqaf fergħa oħra AzzurAir, li kellha tmiem sfortunat.
Godwin Cassar, eks direttur ġenerali tal-Awtorità tal-Ippjanar miet fl-20 ta’ Awissu fl-età ta’ 75 sena. Cassar ħadem fis-servizz pubbliku u kien strument sabiex tistabilixxi ruħha l-awtorità fl-1990. Huwa kien ingħata l-premju Buonamico fl-2022 għall-ħidma tiegħu. Cassar kien ukoll ħa sehem fin-negozjati ambjentali matul l-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea bejn l-1999 u l-2004.
Dun Joe Ingaunez kien soċjologu u letter fl-Università ta’ Malta li miet fit-23 ta’ Awwissu fl-età ta’ 80 sena. Dun Joe kien laħaq qassis fl-1970 u kien anke mexxa l-istitut ta’ riċerka Discern tal-Kurja. Apparti dan, kien magħruf ukoll għax-xogħol tiegħu fiż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara.
Gaetano Tanti, kien eks kap tal-UĦM Voice of the Workers, miet fil-21 ta’ Settembru fl-età ta’ 66 sena. Tanti ingħaqad mal-UĦM fl-1976 u kien sar president tal-unjin f’Mejju tal-1998 li serva f’din il-pożizzjoni għal 13-il sena. Fl-2011 kien reġa’ daħal fis-servizz pubbliku.
Philip Sciberras, eks membru parlamentari Laburista miet fit-2 ta’ Ottubru fl-età ta’ 77 sena. Huwa ħalla d-dinja ftit jiem qabel għeluq sninu. Huwa kien sar membru parlamentari fit-tieni leġiżlatura ta’ Mintoff fl-1979, u kien elett fl-elezzjoni tal-1981. Fl-2002 kien inħatar bħala imħallef u serva tmien snin f’din il-kariga sakemm irtira. Kien fondatur tal-Moviment Qawmien Letterarju fl-1960 u ppubblika diversi kotba fosthom ‘Priżmi’ u ‘Mirja’.
Pelin Kaya, kienet disinjatriċi li mietet fl-età ta’ 30 sena wara inċident traġiku ta’ traffiku fit-18 ta’ Jannar. Pelin, mit-Turkija, kienet taħdem hawn Malta u ħajjitha nħasdet fl-istess jum ta’ għeluq snina kaġun ta’ sewqan sfrenat.
Tina Turner, kantanta popolari Amerikana mietet fl-24 ta’ Mejju fl-età ta’ 83 sena minħabba marda li kienet ilha ssofri minnha. Turner kienet magħrufa għall-ġeneru pop fis-snin 80, u kienet hija li amplifikat is-sehem formattiv tan-nisa fir-’rock n roll’. Turner hija waħda mill-ikoni pop li jiddefinixxu s-snin 80 bl-album ‘Private Dancer’.
Sinead O’ Connor, kantant Irlandiża mietet fis-26 ta’ Lulju fl-età ta’ 56 sena. Hija kienet magħrufa għad-diska tagħha ‘Nothing Compares 2 U’ li ħarġet fl-1990, li sawritilha l-karriera mużikali tagħha. Fil-fatt, kienet soru li tagħtha l-ewwel kitarra tagħha u imbuttatha tembarka fuq il-vjaġġ mużikali.
Michael Gambon, attur Irlandiż li ħadem l-irwol ta’ Dumbledore fil-famuża sensiela ta’ Harry Potter. Gambon miet fis-27 ta’ Settembru fl-età ta’ 82 sena. Gambon beda l-karriera tiegħu bħala attur bħala wieħed mill-membri oriġinali tar-Royal National Theatre. Matul il-karriera tiegħu ta’ sitt deċennji, huwa rċieva tliet Olivier Awards u erba’ BAFTA TV Awards. Fl-1998, kien ingħata titlu ta’ kavallier mir-Reġina Eliżabetta II.
Matthew Perry, li kien attur Amerikan miet fit-28 ta’ Ottubru fl-età ta’ 54 sena. Perry kien l-iktar magħruf għall-karattru tiegħu Chandler Bing fis-sitcom Amerikana ‘Friends’. Huwa kien anke kelliem f’isem l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Professjonisti tal-Qorti tad-Droga.
Henry Kissinger li serva bħala l-aqwa diplomatiku u konsulent tas-sigurtà nazzjonali tal-Amerika matul il-Gwerra Bierda, miet fl-età ta’ 100 sena fit-30 ta’ Novembru. Kissinger kellu rwol ċentrali fit-tiswir tal-politika barranija tal-Amerika matul l-aħħar nofs tas-seklu 20. Fl-1969, kien inħatar bħala Konsulent għas-Sigurtà Nazzjonali, u aktar tard, sar is-56 Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti.
Shane MacGowan, kien kantant Ingliż mill-band famuża The Pogues. Huwa miet fit-30 ta’ Novembru fl-età ta’ 65 sena. Is-suċċess tiegħu huma mmarkati minn ‘Fairytale of New York’ u ‘A Pair of Brown Eyes’ fost oħrajn.