Bil-għan li dejjem tinżamm is-sigurtà fit-toroq anki fi żmien il-festi, l-Awtoritá tat-Trasport f’Malta (TM), flimkien mal-Korp tal-Pulizija, kompliet twettaq spezzjonijiet fit-toroq.
Waqt operazzjoni f’San Pawl il-Baħar twaqqfu b’kollox 83 vettura, fejn ingħataw 17-il kontravenzjoni. B’riżultat ta’ din l-ispezzjoni, żewġ vetturi bi pjanċi barranin ġew sekwestrati minħabba ksur serju fir-regolamenti tat-traffiku.
Fi stqarrija stampa, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtoritá tat-Trasport Jonathan Borg, irringrazzja l-Uffiċjali tal-ħidma siewja tagħhom tul dan iż-żmien ta’ festi filwaqt li stqarr dwar l-importanza li kull sewwieq josserva r-regolamenti tat-traffiku kemm għall-beneffiċju tiegħu nnifsu kif ukoll għal ta’ madwaru.
TM sostniet li operazzjonijiet ta’ din ix-xorta huma meħtieġa biex jiġu infurzati listess regolamenti filwaqt li jkun żgurat ambjent sigur għal kulħadd.
TM tagħmel dan ix-xogħol ta’ infurzar b’mod regolari tul is-sena kollha, iżda żiedet l-isforzi tagħħa tul iż-żmien ta’ festi.
L-iskop aħħari ta’ dawn l-ispezzjonijiet huwa li toħloq kuxjenza sabiex ikollna toroq aktar sikuri għall-ġid ta’ kulħadd.