“Prodotti essenzjali għandhom jiġu eliminati mit-taxxa ambjentali tal-EMS” | Arnold Cassola
F’talba lill-Kummisjoni Ewropea, Cassola qajjem dubji dwar l-impatt potenzjalment devastanti tal-Iskema ta’ Skambju ta’ Emissjonijiet (EMS) li ġiet implimentata fit-trasport marittimu fil-bidu tas-sena
minn Luigi Sghendo
“Jekk f’Malta, pereżempju, jidħol vapur b’50 container u 5 minnhom qed iġorru ikel u mediċini, mela Malta tiġi eżentata milli tħallas it-taxxa fuq dawk il-ħames containers. Aħna, bħal Ċipru, limitati. M’għandniex ferroviji u lussu ta’ mezzi ta’ trasport.” Hekk insista l-kandidat indipendenti għall-MEP Arnold Cassola meta mistoqsi kif Malta tista’ tiġi eżentata mill-‘Emissions Trading Scheme’ (EMS) fir-rigward ta’ prodotti essenzjali.
Tkellima wkoll ma’ Chris Bonnett, Segretarju Parlamentari responsabbli mill-fondi Ewropej dwar l-iskema tal-EMS.
Bonnett qalilna li l-esperti qed ibassru li l-ekonomija ta’ Malta se tibqa’ b’saħħitha “u fost l-iktar li jikbru fl-Unjoni Ewropea.”
Bonnett sostna li filwaqt li wieħed jifhem li l-għanijiet li jippromwovu teknoloġiji u operat iktar nadif fl-industrija marittima, Malta qed tagħmel u se tkompli tagħmel il-każ taċ-ċirkostanzi partikolari tagħha.
Kif inhi miktuba d-direttiva, din flok ġid, tista’ ssarraf f’piżijiet fuq in-negozji u n-nies partikolarment fil-pajjiżi tal-Mediterran bħalma huma Malta u Ċipru, qal is-segretarju.
Huwa kompla jispjega kif il-Gvern, permezz tal-Ministeru relevanti diġà ħa passi mal-Kummissjoni Ewropea, u l-Kummissjoni Ewropea min-naħa tagħha laqgħet it-talba ta’ Malta u qiegħdha ssegwi s-sitwazzjoni fil-Mediterran mill-viċin
L-EMS, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar tal-2024, hija parti mill-pakkett ta’ liġijiet tal-Ewropa ‘Fit for 55’, biex tinkiseb in-newtralità klimatika. Pemezz ta’ dan, se timponi spiża fuq l-industrija marittima biex tpatti għall-emissjonijiet tal-karbonju tagħhom kull darba li jbaħħru f’port tal-Unjoni Ewropea (UE), jew minn port tal-UE għall-ieħor. Dawn il-liġijiet għandhom l-għan li jnaqqsu t-trasport fuq il-baħar biex jiżdied trasport fuq l-art fosthom permezz tal-ferroviji. Cassola saħaq li huwa ‘prinċipju tajjeb għaliex aħna ma nistgħux inkomplu noħonqu l-ambjent’, però pajjiżna huwa limitat minn ċertu trasport meta kkumparat ma’ pajjiżi oħra.
Il-qofol tal-kwistjoni tinsab fir-restrizzjonijiet ġeografiċi uniċi ta’ Malta u pajjiżi simili. B’differenza mill-biċċa l-kbira tal-istati membri tal-UE, ħlief Ċipru, Malta m’għandhiex il-lussu ta’ mezzi alternattivi ta’ trasport għal prodotti essenzjali, u għalhekk ħafna drabi tiddependi mill-merkanzija importata mill-vapuri. Imdawra bil-baħar, Malta tiddependi esklussivament fuq it-trasport marittimu u bl-ajru għall-konnessjonijiet tagħha mad-dinja ta’ barra.
Cassola nnota li Malta hija waħda minn żewġ stati tal-UE li m’għandhiex aċċess għall-kontinenti oħra permezz tal-ferroviji, u li din is-sitwazzjoni ġeografika m’għandhiex tikkastiga lil Malta jew lil Ċipru. Barra minn hekk, Cassola appella għal reviżjoni immedjata biex jiġu identifikati u eżentati prodotti essenzjali oħra kruċjali għall-Maltin, fi sforz biex jissalvagwardjaw lill-Maltin mill-konsegwenzi ekonomiċi imminenti.
L-Ewropa impenjat ruħha li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’minimu ta’ 55% meta mqabbla mal-livelli tal-1990 sal-2030, u tikseb in-newtralità tal-karbonju sal-2050.
Iżda, ir-riperkussjonijiet ta’ din it-tariffa jindikaw li l-prezzijiet ta’ oġġetti essenzjali jistgħu jogħlew sa 40% u jaggravaw il-vulnerabbiltà ekonomika tal-poplu Malti.
“Filwaqt li l-għan wara din it-taxxa fuq l-emissjonijiet huwa wieħed nobbli, se jkollha effetti koroh fuq il-popolazzjoni tagħna f’Malta, fejn wieħed minn kull ħamsa jinsab fir-riskju tal-faqar, peress li l-prezzijiet jirriskjaw li jiżdiedu mil-lum għal għada b’40%,” Cassola kiteb.
“Lanqas għandna niġu kkastigati għall-inkompetenza tal-mexxejja politiċi tagħna, li naqsu milli jenfasizzaw biżżejjed il-gravità tas-sitwazzjoni mal-istituzzjonijiet tal-UE,” saħaq Cassola.
Filwaqt li appella biex Malta tiġi eżonerata mit-taxxa tal-EMS, Cassola ħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tintervjeni fil-pront u tikkunsidra eżenzjoni vitali għat-trasport bil-baħar kollu li jġorr oġġetti tal-ikel u mediċini destinati għal Malta mit-taxxa tal-EMS.
Filwaqt li jirrikonoxxi n-natura tal-motiv, l-appell jitlob lill-President von der Leyen u lill-Kummissjoni Ewropea biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni b’mod urġenti u jipprevenu aktar effetti negattivi fuq il-popolazzjoni ta’ Malta.