Il-familja ta’ raġel li miet wara li l-pulizija użaw taser fuqu ressqet każ kontrihom

Il-familja ta’ Ronnie Ghiller li miet wara li l-pulizija użaw taser fuqu u imbagħad ingħata kalmant f’polyclinic, ressqet każ kontra l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Uffiċjal Mediku Prinċipali tal-Gvern, fejn talbu biex jitħallsu għad-danni kkawżati

Ronnie Ghiller miet ta' 48 sena wara li ntuża taser fuqu u ngħata kalmant
Ronnie Ghiller miet ta' 48 sena wara li ntuża taser fuqu u ngħata kalmant

Il-familja ta’ raġel li miet wara li l-pulizija użaw taser fuqu u imbagħad ingħata kalmant f’polyclinic, ressqet każ kontra l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Uffiċjal Mediku Prinċipali tal-Gvern, fejn talbu danni ċivili għal dak li jgħidu li huwa negliġenza, nuqqas ta’ ħila u nuqqas ta’ segwitu tar-regolamenti dwar il-parti tal-uffiċjali u tobba involuti fl-inċident fatali.

Ronnie Ghiller ta’ 48 sena miet b’attakk tal-qalb f’Mejju 2020, waqt li pulizija kienu qed jippruvaw jikkontrallawh wara li kien daħal rapport ta’ storbju u xkiel ħdejn id-dar tiegħu qajjem f’Ħaż-Żabbar.

Immedjatament wara l-mewt ta’ Ghiller, il-pulizija kienet ħarġet stqarrija fejn tgħid li r-raġel kien aggressiv lejn tabib waqt li kien fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid. L-ewwel kien intuża taser fuq Ghiller mill-pulizija, qabel ma ngħata tranquiliser minn tabib tal- polyclinic, u wara kien intilef minn sensih. Huwa ttieħed l-isptar, fejn miet ftit tal-ħin wara.

Ghiller kien irrifjuta li jsegwi l-ordnijiet tal-uffiċjali tal-pulizija li ntbagħtu fir-residenza tiegħu f’Ħaż-Żabbar wara li daħal rapporti li kien qed jitfa’ t-tajn fuq dawk li kienu għaddejjin. 

Post-mortem stabbilixxa li Ghiller kien ħa l-kokaina ftit qabel l-inċident. Ħareġ ukoll li Ghiller dak iż-żmien kien qed jissielet bi problemi ta’ saħħa mentali.

Qraba tiegħu rrappurtaw li fuq iċ-ċertifikat tal-mewt tiegħu hemm imniżżel biss it-tossiċità tal-kokaina u l-espożizzjoni tat-taser bħala l-kawża tal-mewt. It-tranquiliser ma jissemma mkien. 

Inkjesta maġisterjali aktar tard stabbilixxiet li l-pulizija kienet segwiet l-iStandard Operating Procedure għall-użu ta’ Conducted Electrical Weapons fis-seħħ dak iż-żmien, u ħelishom minn responsabbiltà kriminali fuq il-mewt.

L-ittra ġudizzjarja, li ġiet iffirmata mill-avukati Kris Busietta u Jason Azzopardi, talbet lill-Kummissarju tal-Pulizija u lill-Uffiċjal Mediku Prinċipali biex fit-3 ijiem li ġejjin iħallsu kumpens lill-familja ta’ Ghiller.

More in Socjali