Frodisti qed iċemplu lill-klijenti tal-HSBC billi jużaw numru li jidher li hu l-istess numru ta’ kuntatt tal-bank HSBC 2380-2380.
Waqt it-telefonata, il-frodisti jgħidu li qed iċemplu mill-HSBC u jisħqu li qed jaraw tranżazzjonijiet suspettużi fil-kont bankarju tal-klijent u jitolbu għad-dettalji personali u l-kodoċi sabiex ikunu jistgħu jaċċessaw il-kont bankarju tal-klijent u jwaqqfu dawn it-tranżazzjonijiet.
L-HSBC Bank Malta bgħatt messaġġ lill-klijenti tiegħu biex iwissihom u ma jagħtux dettalji.
L-HSBC qal li jekk wieħed jagħti l-username u l-kodiċi tal-logon, tkun qed tagħti aċċess għall-kontijiet bankarji lill-frodist. L-HSBC qed iwissi biex ma tagħtux informazzjoni kunfidenzjali jekk tirċievi telefonata u jitolbuk biex tagħti username, kodiċi, PIN jew dettalji tal-kont bankarju. Dan huwa mod ċar li min jinsab fuq in-naħa l-oħra tal-linja huwa frodist, qal il-bank.
L-HSBC qal li qatt ma jitlob informazzjoni kunfidenzjali bħal din.
Jekk qsamt xi informazzjoni kunfidenzjali ma' xi ħadd jekk jogħġbok ċempel immedjatament lill-HSBC fuq 21483809.