Minn statistika maħruġa mill-Eurostat turi li l-Unjoni Ewropea (UE) ġġenerat 513kg ta’ skart muniċipali fl-2022, li jammonta għal medja ta’ 19kg għal kull persuna ewropea.
Dan ifisser li l-UE rat tnaqqis ta’ 4% mis-sena ta’ qabel. Minkejja dan it-tnaqqis, l-istatistika turi li Malta ġġenerat aktar minn 600kg ta’ skart muniċipali għal kull persuna.
Dan l-ammont ipoġġi lil Malta fost l-ogħla ġeneraturi ta’ skart muniċipali fl-UE, flimkien mal-Awstrija (827kg kull persuna), id-Danimarka (787kg kull persuna) u l-Lussemburgu (720kg kull persuna).
Min-naħa l-oħra, l-istatistika wkoll turi l-ammont ta’ skart rriċiklat. Filwaqt li l-UE rreġistrat medja ta' 249 kg ta' skart riċiklat għal kull persuna, Malta tinsab fost il-pajjiżi li l-inqas li rriċiklaw, b’75kg irreġistati għal kull persuna. Fl-istess pożizzjoni nsibu lir-Rumanija (36kg kull persuna) u l-Greċja (90kg kull persuna).
Il-varjazzjonijiet bejn il-pajjiżi jirriflettu differenzi fix-xejriet tal-konsum, il-ġid ekonomiku, u l-ġbir u l-ġestjoni tal-iskart muniċipali. Din l-istatistika tikkunsidra kemm skart huwa ġestit minn ammistrazzjonijiet, negozji u djar, li jvarjaw minn pajjiż għal ieħor.