L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fost l-aktar ajruporti impenjati fl-2023

Malta sabet postha fir-raba’ post dwar l-andament tat-traffiku bl-ajru fl-2023 , b’żieda ta’ 6.7 % fil-moviment tal-passiġġieri fuq l-2019

Aktar kmieni dan ix-xahar, f’rapport ippubblikat mill-Airport Council International (ACI), dwar l-andament tat-traffiku bl-ajru fl-2023, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta sab postu fost l-aktar ħames ajruporti impenjattivi fir-reġjun tal-UE+.

Malta sabet postha fir-raba’ post, b’żieda ta’ 6.7 % fil-moviment tal-passiġġieri fuq l-2019. Fl-istess suq, il-Portugal (+12.2%) u l-Greċja (+12.1%) sabu posthom fl-ewwel u t-tieni post ta’ din il-klassifika, rispettivament. L-Iżlanda ġiet fit-tielet post b’żieda ta’ 6.9% fit-traffiku tal-passiġġieri.

L-Ajruport ta' Malta ra aktar minn 400,000 passiġġier f'Jannar 2024

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ 465,482 passiġġier fl-ewwel xahar tal-2024. Għall-ewwel darba mill-2020, ix-xahar ta' Jannar ra aktar minn 400,00 passiġġier.  

Il-moviment tal-passiġġieri rreġistra żieda sostanzjali ta’ 22.7% fuq l-2023, bis-6 ta’ Jannar tkun l-aktar ġurnata impenjattiva għall-ajruport. Dakinhar, ġie fi tmiemu l-istaġun tal-vaganzi tal-Milied, bi 23,923 passiġġier jaslu jew jitilqu mill-ajruport fuq 149 titjira.

It-traffiku fl-ajruport matul l-istess xahar ra żieda ta' 23.4%, li jammonta għal 3,511-il titjira, meta wieħed jikkumpara Jannar 2024 ma' Jannar tal-2023. 

Filwaqt li l-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet żiedu b’27.4% fuq is-sena referenzjali, is-seat load factor irreġistra tnaqqis ta’ 2.8%, biex l-okkupanza tal-postijiet disponibbli fuq l-ajruplani kienet fil-livell ta’ 74%.

23% tal-passiġġieri li għaddew mill-ajruport f’Jannar marru jew waslu mill-Italja. Dan is-suq żamm postu bħala l-aktar wieħed importanti (+24 fil-mija fuq l-2023), segwit mir-Renju Unit (+23 fil-mija), il-Polonja (+59 fil-mija), il-Ġermanja (+30 fil-mija) u Franza (-20 fil-mija).

Mill-banda l-oħra, is-suq Pollakk kompla jikber, biex issa qabeż lil dak Spanjol, Franċiż u Ġermaniż u sab postu bħala t-tielet l-aktar suq importanti għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Żieda fit-titjiriet lejn il-Polonja minn Ryanair u Wizz Air fl-iskeda tax-xitwa, wassal biex dan is-suq jikber b’59% f’sena. 

 

 

 

 

More in Socjali