Qed jiġi propost żvilupp ta’ 13-il sular li jinkludi 282 appartament fuq art xagħri fix-Xemxija, li bħalissa jinsab magħluqa bi żvilupp residenzjali fuq tliet naħat.
L-iżvilupp se jinvolvi tħaffir ta’ art ta’ 6,643sq.m li tinsab faċċata Triq il-Maqdes Megalitiku biex jiġi akkomodat parkeġġ taħt l-art fuq żewġ livelli.
Qed jiġi propost ukoll żvilupp kummerċjali inkluż ristoranti u ħwienet fil-livell tal-pjan terran filwaqt li qed jiġu proposti 282 appartament fit-12-il sular ta’ fuq.
L-applikazzjoni kienet ippreżentata minn Tony Gauci f’isem Chetgau Ltd, kumpanija ta’ Yvette Chetcuti – konjuġi tal-eks chairman tal-MDA Sandro Chetcuti – u Francis Gauci.
Skont il-pjanijiet, il-bini l-ġdid se jokkupa kważi nofs l-14,000sq. taż-żona. Il-bqija tas-sit huwa maħsub għal żona tal-pikniks, u żona tal-logħob għat-tfal.
Parti mis-sit hija indikata bħala Żona ta’ Importanza Arkeoloġika minħabba l-preżenza ta’ raddi mal-art – kanali mħaffra fl-art. Il-pjanti sottomessi jirreferu għal fdalijiet arkeoloġiċi fiż-żona li se jiġu ppreservati.
Il-kumpanija m'għandhiex is-sit kollu iżda ddikjarat li għandha permess mis-sidien biex tiżviluppa l-art. Iżda sitt sidien li jsostnu li għandhom nofs l-art, diġà kkontestaw din id-dikjarazzjoni. Huma ċaħdu li taw il-kunsens għall-iżvilupp, u talbu formalment lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tneħħi l-art tagħhom mill-applikazzjoni.
L-iżvilupp qed jiġi propost ftit il-bogħod minn proġett ieħorli qed jiġi propost mill-iżviluppatur Charles Camilleri. Dan l-iżvilupp huwa propost li jinbena fis-sit ta’ dak li kien raħal Corinthia Mistra.
L-iżvilupp ta’ Camilleri li jinkludi 774 appartament ġie approvat bi ksur ta’ politki li jipprojbixxu żvilupp ta’ bini għoli fuq xifer. Bħalissa, din id-deċiżjoni qed tiġi reveduta mit-
Tribunal tal-Ambjent u l-Ippjanar wara li ġiet revokata mill-qrati. Is-sit diġà ġie skavat minkejja l-appell pendenti.
Jekk jiġu approvati ż-żewġ żviluppi, huwa mistenni li dawn jaggravaw il-problemi tat-traffiku fit-Telgħa tax-Xemxija. Fl-2013, Transport Malta kienet diġà wissiet li t-triq diġà qed tisforza biex tlaħħaq mal-fluss tat-traffiku eżistenti. Kwalunkwe bypass alternattiv potenzjalment ikollu impatt kbir fuq l-ambjent rurali protett fit-tramuntana ta’ Malta.