F’konferenza stampa mix-Xemxija, is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar, Alfred Grima iltaqa’ flimkien ma’ diversi NGOs u residenti sabiex ileħħnu t-tħassib tagħhom dwar l-iżvilupp propost ta’ 13-il sular fuq sit naturali arkeoloġiku fix-Xemxija.
L-iżvilupp se jinvolvi t-tħaffir ta’ 6,643sq.m quddiem Triq il-Maqdes Neolitiku sabiex jinbena parkeġġ ta’ żewġ sulari taħt l-art.
Waqt il-konferenza stampa, Grima qal li “ftit tal-ġimgħat ilu kien hemm qbil, għaddiet liġi ‘Nature Restoration Law’". Huwa kompla jgħid li “kull min qiegħed f’pożizzjoni li jiddeċiedi, qabel ma jiddeċiedi u jkun ċert jara li dak li qed jiddeċiedi huwa fl-aħjar interess tal-pajjiż, fl-aħjar interess tal-lokalità u fl-aħjar interess għalina lkoll.”
L-applikazzjoni kienet ippreżentata minn Tony Gauci f’isem Chetgau Ltd u Francis Gauci.
Alfred sostna li “fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni dejjem l-ogħla prijorità hija s-saħħa tar-resident... iżda dan l-iżvilupp propost se jħalli impatt negattiv fuq ir-residenti.”
Grima kompla jgħid li ma’ dan l-iżvilupp qed “nantiċipa li jiżdiedu 500 karozza” filwaqt li semma lista ta’ diversi affarijiet li se jaffettwaw lir-residenti fosthom tniġġis fl-arja, storbju ta’ karozzi, u impatt negattiv fuq is-saħħa tal-persuna mit-trabijiet u anke mid-drenaġġ, ilma u saħansitra dawl.
Fuq is-sit propost ukoll żvilupp kummerċjali inkluż ristoranti u ħwienet fil-livell tal-pjan terran filwaqt li qed jiġu proposti 282 appartament.
Parti mis-sit hija indikata bħala Żona ta’ Importanza Arkeoloġika minħabba l-preżenza ta’ raddi mal-art – kanali mħaffra fl-art. Il-pjanti sottomessi jirreferu għal fdalijiet arkeoloġiċi fiż-żona li se jiġu ppreservati.
Il-kumpanija m'għandhiex is-sit kollu iżda ddikjarat li għandha permess mis-sidien biex tiżviluppa l-art. Iżda sitt sidien li jsostnu li għandhom nofs l-art, diġà kkontestaw din id-dikjarazzjoni. Huma ċaħdu li taw il-kunsens għall-iżvilupp, u talbu formalment lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tneħħi l-art tagħhom mill-applikazzjoni.
Fl-aħħar tal-konferenza stampa, Grima sejjaħ lill-awtorijiet biex jimxu pasi passu u jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa.
L-iżvilupp ta' 13-il sular qed jiġi propost ftit 'il bogħod minn proġett ieħor propost mill-iżviluppatur Charles Camilleri. Dan l-iżvilupp huwa propost li jinbena fis-sit ta’ dak li qabel kien raħal Corinthia Mistra.
Preżenti għall-konferenza stampa kien hemm diversi NGOs fosthom Moviment Grafitti, Għawdix, Friends of the Earth u oħrajn.