Kelliema tal-ADPD-The Green Party indirizzaw konferenza stampa quddiem l-iskola primarja ta’ Birkirkara bħala turija ta’ apprezzament lill-edukaturi fl-iskejjel tagħna.
Id-deputat segretarju ġenerali ta’ ADPD Mario Mallia enfasizza li l-edukaturi huma ċ-ċavetta għall-present u l-futur ta’ uliedna u b’mod kontinwu jissejħu biex jirrispondu u jadattaw għat-tibdil li jiġi fuqhom, xi kultant mingħajr l-apprezzament jew l-appoġġ dovut.
Mallia sostna li r-rispett u s-sostenn jiġi wkoll mill-bżonn li l-politika tagħti messaġġi u impressjonijiet li jaħdmu id f’id mal-iskejjel.
Fost dawn hemm il-bżonn tal-indafa fil-ħajja pubblika u l-kontabilità, qal Mallia.
Mallia għamel referenza għal “persuni fis-setgħa jisirqu fondi pubbliċi u wara jsibu l-id tal-gvern li terġa’ tirrijabilithom u tilqagħhom qisu qatt ma kien xejn…. Fl-isfond ta’ dan kollu Imbaghad, fl-iskejjel irridu ngħallmu lit-tfal tagħna s-sens ta’ dixxiplina, qadi u ġustizzja.”
Mallia kompla billi rrefera għar-rapport tal-Inkjesta Pubblika ta’ Jean Paul Sofia, u li s-sena ta’ kontabilità jgħodd “għal dawk li huma fl-aħħar mill-aħħar responsabbli mid-deċiżjonijiet li jittieħdu.”
Filwaqt li stqarr li r-rapport ta’ Sofia “jagħti l-impressjoni wkoll li flus biex jiġu ppremjati in-nies ta’ ġewwa hemm kemm irridu imma flus biex jiġu mpjegati spetturi biex iħarsu s-saħħa tan-nies, m’hemmx […..] Fl-iskejjel il-tfal qed jiġu mgħallma xi tfisser komunità. Madwarhom qed jaraw xi jfisser l-egoiżmu.”
Iċ-Chairperson tal-ADPD-The Green Party Sandra Gauci sostniet li hekk kif għaddejjin it-taħdidiet dwar il-ftehim kollettiv tal-edukaturi, ADPD tittama li l-eżitu jirrifletti is-sens ta’ rispett u stima li ħaqqhom l-edukaturi.
Huwa meta l-edukaturi jħossuhom rispettati, li l-problema kronika ta’ nuqqas ta għalliema tista’ tiġi ndirizzata bis-serjetà, saħqet Gauci.
Gauci kompliet tgħid li “sens ta’ rispett u stima għandu jigi rifless f’kundizzjonijiet li għandhom iwasslu sabiex l-edukaturi jħossuhom iktar fdati bħala persuni professjonali.”
Hija kompliet tenfasizza li d-direttorat ħandu jservi ta’ appoġġ lill-iskejjel, filwaqt li għandu jkun hemm politika nazzjonali ċara fuq diversi aspetti.
“Il-ħafna tibdil kurrikulari li sar ġab miegħu reform fatigue fejn l-edukaturi bilkemm ingħataw ċans jifhmu it-tibdil li jkun sar li ma jerġgħux isibu ma wiċċhom tibdil ieħor.”
Dan, skont Gauci, qed inissel ħafna frustrazzjoni fl-edukaturi.
Hija temmet tgħid li huwa kruċjali li l-edukaturi kif ukoll l-istudenti ma jħossuhomx numri f’istituzzjonijiet kbar, għax dan iwassal biex jiddgħajjef is-sens ta’ benesseri u motivazzjoni tagħhom.