Matul konferenza Ministerjali mtella’ mill-Presidenza Belġjana, f’Liege il-Belġju, fejn ġie diskuss is-settur tal-akkomodazzjoni.
Ġiet iffirmata d-Dikjarazzjoni Liege bejn il-Membri Stati tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes tkellem fuq il-ħidma tal-Gvern Malta f’dan is-settur fejn semma l-inizjattivi li qed jieħu l-Gvern u l-proġetti ta’ akkomodazzjoni soċjali u affordabbli li jiżguraw li ċ-ċittadini Maltin ikollhom saqaf affordabbli, diċenti u dinjituż.
Fl-intervent tiegħu Galdes tenna li l-akkomodazzjoni affordabbli hija prijorità għall-Gvern Malti. “Fl-aħħar snin nedejna skemi ġodda, kif ukoll saħħaħna skemi eżistenti bil-għan li nimbuttaw politika li tħaddan opportunitajiet ta’ akkomodazzjoni affordabbli. Ħloqna stabbiltà, saħħaħna l-mobbiltà soċjali u żidna wkoll in-numru ta’ appartamenti tal-akkomodazzjoni soċjali.”
Galdes semma l-iskema tas-Sussidju tal-Kera, li llum twieżen aktar minn 3,000 benefiċjarju; l-iskema Nikru Biex Nassistu li flimkien mal-privat, sidien Maltin jikru l-proprjetajiet tagħhom lill-Awtorità tad-Djar biex jintużaw bħala Akkomodazzjoni Soċjali; u l-Iskema għall-first-time buyers fejn jingħataw għotja ta’ €10,000 fuq medda ta’ 10 snin, biex aktar persuni jsiru sidien ta’ darhom.
“Dawn l-iskemi flimkien ma’ oħrajn li nieda l-Gvern Malti għall-familji Maltin huma konformi mal-istrateġija tal-Unjoni Ewropea dwar l-affordabbiltà fil-qasam tal-akkomodazzjoni. Malta kommessa li tkompli bil-ħidma tagħha biex kull familja jkollha saqaf affordabbli, diċenti u dinjituż,” temm jgħid il-Ministru Galdes