Il-konsumatur għandu d-dritt li jinsisti li jħallas il-prezz indikat. Dan id-dritt fundamentali tal-konsumatur jinsab f’sitwazzjonijiet fejn jinqalgħu diskrepanzi bejn il-prezz immarkat u dak mitlub fil-bejgħ.
Sostna dan l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Malta Communication Consumer Affairs Authority (MCCAA) fejn spjegaw dwar l-importanza tal-ħarsien tal-konsumatur.
Huma qasmu uħud mill-iktar każijiet li jiltaqgħu magħhom jirrelataw ma’ xiri ta’ oġġetti bħal għamara, apparat tad-dar u xiri ta’ karozzi ġodda jew użati. Dawn l-ilmenti normalment jikkonsistu f’diżgwit fuq difetti fl-oġġetti jew prodotti mhux provduti skont il-ftehim tax-xiri.
“Nirċievu wkoll diversi lmenti rigward servizzi ta’ telekomunikazzjoni, servizzi marbuta ma’ xogħlijiet li jsiru fid-djar, u anke servizzi relatati ma’ tiġijiet u vjaġġar fejn minnhom frekwentement ikunu marbuta mad-drittijiet tal-passiġġiera tal-ajru.”
Huma qalu li idealment meta konsumatur jiltaqa’ ma’ problema waqt ix-xiri tiegħu, l-ewwel jagħmel kuntatt ma’ min xtara l-prodott jew servizz. Sabiex ikun ċert, wieħed jista’ jagħmel użu mis-sit elettroniku (https://mccaa.org.mt/Section/Content?contentId=1295) jew iċempel fuq 8007 4400 biex jiġi pprovdut b’informazzjoni dwar id-drittijiet legali tiegħu.
F’każ li l-konsumatur ma jirnexxilux jilħaq ftehim mal-bejjiegħ, il-pass li jmiss ikun li l-konsumatur jiftaħ ilment uffiċjali mal-Uffiċċju tal-Konsumatur sabiex jibda proċess ta’ konċiljazzjoni. “Waqt dan il-proċess nippruvaw nilħqu ftehim bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ b’mod amikevoli” sostnew filwaqt li qalu li jekk iż-żewġ partijiet xorta ma jaslux għal ftehim, il-konsumatur imbagħad jingħata l-possibbiltà li jieħu l-każ tiegħu quddiem it-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumaturi, jekk il-valur ma jaqbiżx l-€10,000 u quddiem il-Qorti meta dan il-valur jinqabeż.
Semmew każ li jista’ jinħoloq minn fuq l-internet fejn il-klijent jispiċċa jħallas il-VAT żejjed minħabba żball bin-numru ta’ Import One Stop Shop (IOSS). F’ċirkustanzi bħal dawn, il-konsumatur Malti huwa avżat li jitlob rifużjoni direttament mingħand il-bejjiegħ. Madankollu, jekk ir-rifużjoni ma ssirx, huma avżaw lill-konsumaturi jirrikorru fiċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur biex jimmedja tilwim ma’ bejjiegħa li joperaw minn stati Ewropej, inkluż l-Ingilterra.