Joseph Portelli jirrifjuta li jħallas kontribuzzjoni finanzjarja ta' €41,000 mill-PA

Kumpanija tal-iżviluppatur Joseph Portelli qed tirrifjuta li tħallas kontribuzzjoni finanzjarja, din tiġi imposta meta applikazzjoni jkollha impatt fuq il-komunità jew l-ambjent

Iż-żona inkwistjoni fil-Mellieħa
Iż-żona inkwistjoni fil-Mellieħa

Waħda mill-kumpaniji tal-iżviluppatur Joseph Portelli qed tirrifjuta li tħallas kontribuzzjoni finanzjarja ta’ €41,075 lill-Awtorità tal-Ippjanar għal permess fuq sitt vilel li jridu jibnu barra miż-żona ta’ żvilupp.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja tiġi imposta meta applikazzjoni jkollha impatt fuq il-komunità jew l-ambjent.

Irappurtat dan oħt il-gazzetta ILLUM fejn spjegat kif il-kontribuzzjoni finanzjarja ġiet imposta fuq CF Developers u għandha tmur għal proġetti ambjentali fil-Mellieħa. Intant, il-kumpanija talbet ‘rikonsiderazzjoni’ ta’ din il-kundizzjoni. Portelli, sid it-torri tal-mercury f’Paceville, huwa sid parzjali ta’ CF Developers.

Il-ħlas ta’ darba kien parti minn kundizzjoni ta’ permess li sar ix-xahar li għadda meta l-Awtorità tal-Ippjanar approvat sitt vilel ODZ qrib l-għerien ta’ Tal-Ħilda stabbiliti bejn ix-Xemxija u l-Manikata, li jħarsu lejn il-wied ta’ Pwales.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja ġiet irrakomandata mill-direttorat tal-immaniġjar u żvilupp tal-PA fid-dawl ta’ żvilupp fuq żona ODZ. Is-somma ġiet ikkalkulata bl-istandard ta’ €25 kull metru kwadru, għall-art totali ta’ 1,643sq.m.

L-istrutturi preżenti jokkupaw żona totali ta’ art ta’ 1,670sq.m, filwaqt li l-iżvilupp propost, inklużi t-terrazzi u l-pixxini proposti, se jkopri żona ta’ 1,643sq.m.

Residenti li qed jopponu l-proġett kienu wissew dwar it-tifrix urban f’żona li qed isostni li hija ekoloġikament sensittiva, speċjalment meta qisu li l-kumpless turistiku ġie approvat qabel daħlu fis-seħħ il-politiki tal-ippjanar li jipproteġu ż-żona.

Dan il-punt għamlu John Buttigieg, il-viċi sindku tal-Mellieħa li vvota kontra l-iżvilupp.

Il-case officer tal-PA qal li l-istrutturi kollha f’dan is-sit huma koperti b’permessi.Wieħed mill-permessi jmur lura għall-1974, u ieħor fl-1991 li japprova l-bini ta’ farmhouse u mħażen.

Waqt li kien qed jitkellem f’isem ir-residenti waqt is-seduta pubblika ta’ meta ġie approvat il-proġett, il-perit u uffiċjal tal-ADPD Carmel Cacopardo kien wissa kontra l-użu ta’ preċedenti tal-passat biex jiġġustifika żvilupp ġdid. "Oxxenitajiet li saru fil-passat m'għandhomx jintużaw bħala skuża biex jiġġustifikaw żvilupp ġdid," sostna Cacopardo

More in Socjali