Kmieni l-Ħamis, il-President ta’ Malta George Vella dalgħodu kellu udjenza privata mal-Papa Franġisku fil-Vatikan.
Matul il-laqgħa, il-President Vella u l-Papa rreferew għar-relazzjonijiet b’saħħithom bejn Malta u s-Santa Sede. Iffukaw ukoll fuq is-sitwazzjoni preżenti fid-dinja, l-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna, is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani u l-ħtieġa ta’ paċi ġusta u d-djalogu.
Il-President tkellem dwar is-sehem ta’ Malta biex tmexxi ’l quddiem in-narrattiva tal-paċi bħala membru elett tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, u minn Jannar bħala President tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE).
Il-vokazzjoni ta’ Malta bħala pajjiż newtrali kostituzzjonalment, qal il-President, tibqa’ dik li toħloq spazji ta’ djalogu mhux biss fir-reġjun tal-Mediterran, imma anke f’partijiet oħra tad-dinja.
Il-President ta’ Malta u l-Papa Franġisku tkellmu wkoll dwar sfidi bħalma huma l-migrazzjoni irregolari, l-użu ta’ armamenti f’kunflitti u gwerer, kif ukoll it-tibdil fil-klima filwaqt li fakkru fiż-żjara tal-Papa Franġisku f’Malta sentejn ilu.
Wara l-laqgħa, is-Sinjura Miriam Vella u d-delegazzjoni, li tinkludi lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg, kellhom l-opportunità li wkoll jiltaqgħu mal-Papa Franġisku.
Fi tmiem l-udjenza privata, il-President f’isem il-poplu ppreżenta lill-Papa Franġisku sitt kompjuters b’donazzjoni għall-Klinika Madre di Misericordia - toffri kura tas-saħħa bla ħlas għal dawk li jgħixu f’sitwazzjonijiet ta’ faqar, emarġinazzjoni u diffikultà.
Id-delegazzjoni Maltija mmexxija minn Vella żaret ukoll il-Klinika Madre di Misericordia, li fetħet fl-2015 fuq l-inizjattiva tal-Papa Franġisku. Il-klinika, li toffri servizz ta’ kura lil madwar 6,000 persuna fis-sena, hija fdata lid-Dekasteru għas-Servizz tal-Karità taħt it-tmexxija tal-Kardinal Konrad Krajewski.