Il-Klabb tar-Regatta ta’ Birżebbuġa se jkollu maħżen għad-dgħajjes u uffiċini ġodda minn fejn jopera fil-lokal ta’ Birżebbuġa stess.
Dan ħabbru il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u s-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia waqt iffirmar ta’ ftehim bejn id-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-istess klabb.
Il-binja ta’ żewġ sulari u sotterran se tinbena max-xatt ta’ Birżebbuġa u ftit metri ‘l bogħod minn slipway sabiex il-qaddiefa jkollhom aċċess faċli għall-baħar meta jniżżlu d-dgħajjes tagħhom.
Is-sotterran u l-ewwel sular tal-binja se jintużaw bħala maħżen għad-dgħajjes filwaqt li t-tieni sular ser jintuża bħala uffiċini minn fejn l-amministrazzjoni se tibda topera.
Il-binja ser tinbena f’post li bħalissa jinsab mitluq u se tkun attrezzata b’diversi faċilitajiet skont il-bżonnijiet ta’ dan il-klabb.
Grima tkellem dwar l-għajnuna li qed jingħata fis-settur kemm b’diversi skemi li qed jingħataw l-assoċjazzjonijiet u l-klabbs biex dawn isaħħu l-ħidma tagħhom fid-diversi dixxiplini sportivi rispettivi u wkoll permezz ta’ ftehim bħal dak tal-lum.
Farrugia qal li, “Barra diversi sfidi loġistiċi, l-ikbar sfida għal dan il-klabb hija dik li jrawwem tfal ġodda f’dan l-isport peress li l-imħażen li jinkrew bħalissa jinsabu barra l-lokal. Permezz ta’ dan il-proġett t-tfal u ż-żgħażagħ Birżebbuġin se jkollhom post attrezzat fejn jiltaqgħu biex jipprattikaw l-isport tal-qdif u fl-istess waqt inżommu t-tradizzjoni tar-regatta ħajja.”
Il-President tal-Klabb tar-Regatta ta’ Birżebbuġa Ian Farrugia qal li din is-sena l-klabb qed ifakkar l-għoxrin sena mit-twaqqif tiegħu u matul dawn is-snin qatt ma kellu l-binja tiegħu u dejjem opera minn maħżen mikri fil-Belt Valletta.
Dan jikkawża diversi sfidi kemm għall-amministrazzjoni, għall-qaddiefa u speċjalment għall-ġenerazzjonijiet iż-żgħar li jitħajru jibdew dan l-isport. Is-Sur Farrugia irringrazzja lill-Gvern ta’ dan il-proġett u ddeskrivih bħala ħolma li se tagħmel differenza kbira għal dawk kollha dilettanti tar-regatta f’Birżebbuġa u għal irħula oħra tal-madwar.