Leonid McKay se jkun qiegħed imexxi l-aġenzija tal-Jobsplus bħala parti mir-riforma li bdiet minnmindu ġiet ippubblikata l-inkjesta pubblika ta’ Jean Paul Sofia.
McKay kien Kap Eżekuttiv ta’ ARUC, l-awtorità li tirregolarizza l-kannabis. Skon sors qrib il-gvern, tkellem mal-gazzetta ILLUM u stqarr li McKay ingħata l-kariga ġdida fi ħdan Jobplus għall-“kredenzjali soċjali” tiegħu.
L-aġenzija Jobsplus għaddiet minn taħt il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana għal taħt it-tmexxija tal-Ministru għall-Affarijiet Interni Byron Camilleri x-xahar li għadda.
Il-konklużjonijiet tal-Inkjesta Pubblika ta’ Jean Paul Sofia qalu li l-aġenzija ma’ kellix immaniġġjar u moniteraġġ tajjeb tal-permessi tax-xogħol maħruġa lill-ħaddiema barranin.
L-istess pubblikazzjoni tgħid li kien hemm nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn Jobsplus u Identità – responsabbli għall-permessi ta’ residenza.
Id-deċiżjoni tal-Prim Ministru li jittrasferixxi Jobsplus fil-portafoll ta’ Camilleri kienet maħsuba biex iġġib koordinazzjoni akbar bejn iż-żewġ aġenziji.
"Il-Gvern irid idaħħal aktar kontrolli biex jitneħħa l-abbuż tal-ħaddiema barranin, filwaqt li jiżgura li dawk biss li huma meħtieġa jinġiebu Malta u Leonid McKay qed jitqies bħala l-persuna li tista' tagħmel dan mal-umanità," qal is-sors.
McKay se jkun qed jieħu post il-Kap Eżekuttiv ta’ Jobsplus Alexia Vella.
Fi żmien sentejn, il-kap eżekuttiv ta’ ARUC tmexxa darbtejn. Mariella Dimech tneħħiet mill-kariga tagħha f’Novembru 2022, għaxar xhur biss wara li ġiet appuntata.
McKay kien direttur ta’ Caritas Malta bejn l-2014 u l-2018 fejn wettaq riċerka dwar Il-Baġit Minimu Essenzjali għal Ħajja Diċenti u l-paga minima, l-adegwatezza tal-benefiċċji soċjali u l-isfruttament tas-suq tax-xogħol tal-ħaddiema migranti f’Malta.
Huwa nħatar Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar fl-2018 u okkupa din il-kariga sal-2022. Fl-Awtorità tad-Djar, McKay issorvelja l-implimentazzjoni ta’ diversi riformi tal-kera.
Fl-2022, huwa nħatar Kap Eżekuttiv fl-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC), li ħarġet l-ewwel liċenzji tagħha ta’ assoċjazzjoni tal-kannabis aktar kmieni din is-sena.