Fi stqarrija, il-Malta Women’s Lobby (MWL) rrefera għas-smigħ tal-każ kontra Nazzareno Dalli, li attakka b’sikkina lil wlied eks-sieħba tiegħu, u sostna s-seduta tal-Ġimgħa żvelat aspetti inkwetanti tal-każ u diżrispett lejn il-vittmi meta l-qorti naqqset milli toħroġ ordni ta’ protezzjoni, speċjalment favur l-omm u tl-tlitt itfal tagħha.
MWL kompla jgħid li l-qorti għażlet li xxeqleb lejn l-argumenti miġjuba ‘l quddiem mid-difiża għaliex l-aggressur jinsab taħt kustodja preventiva.
MWL żied jgħid li n-natura ta’ ordni ta’ protezzjoni hija mezz ta’ prevenzjoni biex jiġi evitat l-istess każ, li toffri sigurezza u serħan il-moħħ lill-vittmi.
“Li kieku l-qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni ma kienet se tikkawża l-ebda dettriment jew preġudizzju lil dawk akkużati, iżda għal kuntrarju, għandha ħafna x’toffri għall-vittmi li spiċċaw mingħajr il-protezzjoni meħtieġa,” qal l-MWL fl-istqarrija.
MWL ġibed l-attenzjoni wkoll fuq il-fatt li omm it-tfal kienet mitluba titloa’ tixhed il-Qorti: “Aspett ieħor inkwetanti huwa li wara avveniment tant trawmatiku, omm it-tfal kellha tixhed fil-qorti, lanqas b’kollegament dirett. Dan juri nuqqas ta’ sapport u insensittività lejn tali każijiet.”
IL-MWL jitlob għall-qrati aħjar u jistaqsi min se jkun dak li jerfa’responsabilità jekk issir iktar ħsara lill-vittmi.
Nazzareno Dalli, magħruf ukoll bħala Ronald ta’ 43 sena mill-Bormla, tressaq quddiem il-Maġistrat Marsanne Farrugia nhar il-Ġimgħa fuq attentat ta’ qtil ta’ żewġt ibniet – wlied l-eks sieħba tiegħu, ta’ 12 u 15-il sena fi Triq San Tumas, il-Marsa.
Waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza ġie żvelat li t-tifla ta’ 12-il sena ingħatat 16-il daqqa sikkina minn Dalli u spiċċat ġarrbet diversi feriti f’qalbha, fil-kliewi u fil-pulmun u l-milsa, kif ukoll kustilji miksura. Waqt ix-xhieda tagħha, l-omm sostniet li “Binti hija miksija bid-daqqiet. Hija kollha meħjuta minn ġewwa...”
Ġie żvelat li dakinhar tal-inċident, Dalli kien taħt l-effett tad-droga.
Hija kienet qattgħet ġimgħa f’xelter għall-vjolenza domestika b'tentattiv li toħroġ mir-relazzjoni u kienet iċċempel lill-pulizija biex jassigurawha li bieb id-dar mhuwiex mifquh. Minkejja l-attenti tagħha, mhux l-ewwel darba li Dalli kien ikun ġewwa darha mingħajr qatt ma kienet tatu ċavetta.
Il-kumpilazzjoni tal-evidenza tkompli x-xahar id-dieħel.