F’ittra miftuħa, il-BirdLife indirizzat lill-Prim Ministru Robert Abela hekk kif nhar il-Ġimgħa l-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea naqas milli jimxi ‘l quddiem bil-Liġi għar-Restawr tan-Natura, minkejja li kien diġà ntlaħaq ftehim f’Novembru meta l-liġi kienet approvata mill-Parlament Ewropew.
Fl-ittra, il-Birdlife ssostni li “l-approvazzjoni tat-Tnejn 25 ta’ Marzu suppost kellha tkun formalità wara li f’Novembru li għadda kien diġà ntlaħaq ftehim ... Il-Liġi għar-Restawr tan-Natura għaddiet mill-Parlament Ewropew minkejja li kien hemm block vote biex titwaqqaf.”
Il-Birdlife tkomli tgħid li t-twaqqif ta’ din l-liġi juri li l-UE “mhix impenjata favur il-konservazzjoni tal-bijodiversità, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u s-sostenibbiltà ambjentali.”
Il-Liġi għar- Restawr tan-Natura kienet l-ewwel leġiżlazzjoni ewlenija favur in-natura mill-UE fi tliet deċennji. Il-konservazzjoni tan-natura madwar l-UE m'għandha l-ebda fruntieri u ma tistax tinżamm ostaġġ minn pajjiżi li jirrifjutaw li jaraw il-valur olistiku ta' Unjoni Ewropea aktar b'saħħitha.
“Napprezzaw li Malta kienet favur din il-liġi imma nħossu li nistgħu nagħmlu aktar. Għalhekk inħeġġuk biex tintervjeni personalment u tqajjem il-kwistjoni mal-President Ursula von der Leyen u l-Presidenza Belġjana biex terġa' tpoġġi l-Liġi għar-Restawr tan-Natura fuq l-aġenda u tara li tiġi approvata.”
“F'sena meta l-Ewropej se jivvutaw għall-Parlament Ewropew, il-vuċi ta' miljuni ta' ċittadini, il- vuċi tal-Parlament Ewropew innifsu, qed tissikket. Dan huwa inaċċettabbli u mhux biss jhedded il-kredibbiltà tal-Ewropa fuq kwistjonijiet ambjentali iżda wkoll il-qalba demokratika tagħha.”