Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes ħabbar li sa issa aktar minn 1,800 first-time buyer li xtraw proprjetà fl-2023 applikaw għall-għotja ta’ €10,000 fuq 10 snin.
Fl-2022, aktar minn 2,800 first-time buyer kienu rċevew l-ewwel pagament ta’ €1,000 fuq 10 snin u li din is-sena ser jirċievu t-tieni pagament minn għaxra.
“Din is-sena, minn Ġunju li ġej, dawk il-first-time buyers li xtraw proprjetà fl-2023 se jkunu qegħdin jirċievu l-ewwel pagament ta’ €1,000 fis-sena għall-10 snin li ġejjin,” spjega Galdes.
Ir-rata ta’ persuni li huma sidien djarhom hija ta’ 82%, “waħda mill-ogħla rati fost il-pajjiżi Ewropej,” temm jgħid il-Ministru Roderick Galdes.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa qal li, bħala Awtorità, “kommessi li nibqgħu ninvestu fl-aspirazzjoni taż-żgħażagħ Maltin – dik li jsiru sidien ta’ darhom filwaqt li nifhmu dejjem aktar dan is-settur tant importanti permezz tad-data u r-riċerka.”
Dawk il-first-time buyers li daħlu fis-settur tal-proprjetà għall-ewwel darba fl-2023 u li għadhom ma applikawx għal din l-għotja għandhom jagħmlu dan mhux aktar tard mill-aħħar ta’ April billi jżuru https://bit.ly/Għotja10K.
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti Emanuel Psaila.